Internazzjonali

Brexit: Johnson se jiltaqa’ ma’ von der Leyen f’tentattiv biex isalvaw il-ftehim kummerċjali

L-aħħar fażi tat-taħditiet lejn ftehim kummerċjali bejn ir-Renju Unit u l-Unjoni Ewropea għal wara Brexit ma produċiet l-ebda żvilupp pożittiv minkejja telefonata twila bejn il-Prim Ministru Britanniku Boris Johnson u l-President tal-Kummissjoni Ewropea Ursula von der Leyen.

Iż-żmien qed jagħfas sew biex in-naħat rispettivi jikkonkludu ftehim kummerċjali ladarba r-Renju Unit itemm il-perjodu tat-tranżizzjoni ta’ wara Brexit u jinħall uffiċjalment mill-grupp ta’ Stati Ewropej.

Intant, Boris Johnson, din il-ġimgħa, għandu jmur fi Brussell għal taħditiet wiċċ-imb-wiċċ ma’ von der Leyen u wara li ż-żewġ mexxejja stqarrew li għalissa mhemmx il-kundizzjonijiet għal ftehim kummerjali li hu aċċettabbli għal kulħadd.

L-istqarrija konġunta ta’ Johnson u von der Leyen sostniet li fadal id-differenzi sinifikanti dwar is-settur tas-sajd u r-regoli li jamministraw il-kompetizzjoni ġusta fil-qasam tal-kummerċ.

Fl-istess ħin, l-uffiċjali ewlenin li qed jinnegozjaw għal ftehim kummerċjali għan-naħat rispettivi ntalbu biex iħejju summarju tad-differenzi li fadal biex dawn ikunu trattati waqt laqgħa li għandha ssir fi Brussell fil-ġranet li ġejjin.

S’issa għadha ma ġietx iffissata d-data uffiċjali għal-laqgħa wara li Michel Barnier, li qed jinnegozja għan-nom tal-Unjoni u r-Rappreżentant tar-Renju Unit, Lord David Frost, ilhom l-aħħar ġimgħa għaddejjin bit-taħditiet intensivi. Iż-żewġ rappreżentanti kienu qed jiltaqgħu wkoll fl-aħħar sigħat biex ifasslu lista tal-punti tad-diżgwid attwali bejn Londra u Brussell.

Intant, is-sorsi qrib it-taħditiet qablu li ma sar l-ebda progress fi ġranet sħaħ ta’ taħditiet u li l-proċess lejn ftehim issa jrid ikompli minn aspett politiku meta kibret il-possibbiltà ta’ no-deal fiċ-ċirkustanzi. Dan meta l-Mexxejja tal-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea qed iħejju biex  jiltaqgħu għal summit li se jsir nhar il-Ħamis fil-belt ta’ Brussell.