Mara ta’ 90 sena saret l-ewwel persuna fir-Renju Unit li ngħatat il-vaċċin ġdid għal kontra l-coronavirus.
Ir-ritratt ta’ Margaret Keenan, magħrufa bħala ‘Maggie’ mal-familja u l-ħbieb, jissimbolizza l-mument storiku fil-ġlieda kontra l-Covid-19, u meta l-anzjana, dritt wara, xorbot tazza te bħala ‘ċelebrazzjoni’.
Margaret Keenan kienet imlaqqma fl-isptar lokali ta’ Coventry, fil-West Midlands, u b’hekk saret l-ewwel fost mijiet ta’ pensjonanti u ħaddiema mas-servizzi tas-saħħa li ngħataw it-tilqima f’ġurnata li l-Britanniċi laqqmuha bħala ‘V-Day’.
Dan meta r-Renju Unit sar l-ewwel pajjiż fid-dinja li beda juża l-vaċċin ta’ Pfizer wara li r-regolaturi approvaw l-użu tiegħu, ftit tal-jiem ilu.
Margaret Keenan, li tagħlaq 91 sena il-ġimgħa d-dieħla, qalet li qed iħossha privileġġjata li kienet l-ewwel persuna li ngħatat it-tilqima.
‘Dan hu l-aħjar rigal possibbli għal għeluq snini għaliex ifisser li, sa fl-aħħar, nista’ inqatta’ ħin mal-familja u ngawdi s-sena l-ġdida magħhom wara li ilni waħdi għal daqstant ġimgħat u xhur’, sostniet l-anzjana waqt intervista li saritilha lbieraħ.
Hi irringrazzjat lill-istaff tal-NHS (is-servizzi tas-saħħa) għall-impenn kbir tagħhom waqt din il-proċedura u appellat ‘biex kulħadd jieħu l-opportunità li jingħata l-vaċċin għaliex jekk hi għaddiet mill-proċess fl-età li għandha, ħaddieħor jista’ ukoll jagħmel l-istess’.
Margaret Keenan kompliet li l-Covid-19 hi ‘marda terribbli’ u li ‘kulħadd għandu japprezza kwalunkwe pass ‘il quddiem biex negħlbuha lkoll flimkien’.
Intant, it-tieni tilqima fil-programm ingħatat lil raġel ta’ 81 sena li jismu William ‘Bill Shakespeare’ u li wkoll hu minn Coventry.
//= $special ?>