Għawdex – kien dan is-suġġett diskuss fuq l-istazzjon Laburista – diskussjoni bejn il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri u l-Kelliem tal-Oppożizzjoni għal Għawdex Chris Said.
Id-diskussjoni iffukat l-iktar fuq il-pandemija tal-COVID-19 u l-mod ta’ laqtet lil Għawdex. Clint Camilleri saħaq li l-Gvern ma kellux ‘manual’ ta’ kif jiġġieled il-pandemija filwaqt li Chris Said fakkar kif is-servizzi tas-saħħa f’Għawdex ma kienux lesti għall-pandemija.
Id-Deputat Nazzjonalista qal; “Jien li ma nistax naċċetta bħala Għawdxi hu l-fatt li l-unika sptar li għandna f’Għawdex ġie privatizzat, qed ngħatu 80miljun fis-sena lil Steward Healthcare.” Chris Said saħaq li Steward kellhom fil-kuntratt obbligu bil-miktub li jlestu sptar ta’ 450 sodda; id-dopju tal-isptar li għandna llum – biex iġibu t-turiżmu mediku. Il-Kelliem tal-Oppożizzjoni fakkar li dak l-isptar kellu jitlesta sa Ġunju tal-2018 u sal-lum għadu mhux lest. Dan filwaqt li fakkar kif il-poplu Malti u Għawdxi diġa ħallas għal dan il-proġett.
Ir-risposta tal-Ministru għal dan kien li l-Iskola ta’ Barts inbniet u qed tilqa’ l-istudenti. Chris Said kompla jgħid “li kieku tlesta dan l-isptar, ma kienx ikun hemm dawn il-problemi għax t-turiżmu mediku fi żmien ta’ pandemija mhux se jiġi kif mhux qed jiġi turiżmu ieħor u allura s-sodod liberati mit-turiżmu mediku kienu se jkunu qegħdin hemm.”
Id-Deputat tal-PN fakkar li f’dan kollu, imnalla kien il-pjan ta’ Gvern Nazzjonalista li ħaseb għal Sptar bħal ma’ hu Mater Dei. Chris Said qal li pajjiżna mexa tajjeb fl-ewwel xhur tal-pandemija fejn saħansitra rajna ammont żgħir ta’ każi speċjalment fis-Sajf madanakollu saħaq li r-reazzjoni tal-Gvern għal dan kienet waħda żbaljata hekk kif il-Prim Ministru kien qal li l-battalja irbaħnilha u li l-mewġ qiegħed fil-baħar. Dan għaliex il-każijiet spiċċaw biex żdiedu b’rata alarmanti kif l-istess ġara bl-ammont ta’ persuni li tilfu ħajjithom.
Id-daqqa ekonomika f’Għawdex inħasset inqas minn Malta. Il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għal Għawdex stqarr li dan wasal hekk kif kien diffiċli jew perikoluż li ssiefer barra l-pajjiż allura diversi Maltin għażlu li jmorru Għawdex minflok għal btala barra minn xtutna. Dan għen biex ir-risotrani setgħu jibqgħu għaddejin b’mod relattivament normali iżda Chris Said saħaq li f’Għawdex hemm aktar oqsma ta’ negozju illi ma jistgħux jgħidu l-istess fosthom il-lukandi u anke dawk illi ma jaħdmux fis-settur tat-turiżmu.
Intant, tul dan il-programm kien diskuss ukoll il-proġett tal-Mina bejn Għawdex u Malta. Chris Said saħaq li “għandhom isiru l-istudji kollha minn esperti li jkunu indipendenti, l-istudji jiġu ppublikati, iżda mhux biss, jiġu spjegati u mfissra bl-informazzjoni kollha lill-pubbliku għax dan huwa dritt tan-nies.”
Il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għal Għawdex spjega l-pożizzjoni tal-Partit Nazzjonalista dwar il-proġett tal-mina fejn stqarr li jekk dawk l-istudji jirriżultaw li huma fattabbli, il-PN huwa favur il-proġett imma imbgħad imur għand l-Għawdxin bid-dettalji kollha u jkunu jistgħu jiddeċiedu huma abbażi ta’ stampa ċara.
Chris Said fakkar li filwaqt li issa l-Gvern Laburista huwa favur il-mina, ftit tas-snin ilu kien qed jgħid mod ieħor. Dan, flimkien ma ebda konsultazzjoni u nuqqas ta’ informazzjoni wassal biex l-Għawdxin ma jafux x’inhu l-aħjar għalihom. Hu saħaq li l-Gvern Laburista għamel tliet snin jgħid li l-mina ta’ taħt il-baħar hi ħażina u li se jagħmel bridge minflok. “Ħawwad l-imħuħ kollha u beda jgħid li bridge aħjar minn mina, għaddew tliet snin u reġgħu ġew għal dak li kien qed jgħid il-PN qabel l-Elezzjoni Ġenerali tal-2013.
Il-Partit Nazzjonalista jrid li d-deċiżjoni dwar din il-mina tkun f’idejn l-Għawdxin permezz ta’ referendum. Il-pożizzjoni tal-Gvern dwar dan għadha mhux ċara. Mistoqsi dwar dan il-Ministru għal Għawdex ma weġibx.