Ir-Renju Unit fl-aħħar sigħat sar l-ewwel pajjiż tal-Punent – u fid-dinja — li beda jlaqqam lin-nies kontra l-Covid-19 bil-vaċċin tal-Pfizer-BioNTech – u meta l-ewwel dożi qed jingħataw lill-Britanniċi ta’ ‘il fuq minn 80 sena kif ukoll lill-membri tal-istaff mediku. Dan sar possibbli wara li r-regolaturi, fl-aħħar ġranet, approvaw l-użu tal-vaċċin partikulari
Mistenni li jingħataw sa 800,000 tilqima fir-Renju Unit waqt l-ewwel ġimgħa tal-programm – bl-awtoritajiet qed jikkalkulaw li se jkunu tlaqqmu minimu ta’ erba’ miljuni sal-aħħar tax-xahar. Il-programm tat-tilqim qed jitmexxa minn diversi ‘hubs’ fir-Renju Unit bil-għan li jkunu protetti l-aktar persuni vulnerabbli fis-soċjetà sakemm il-ħajja tirritorna għan-normal.
Is-Segretarju tas-Saħħa Britanniku, Matt Hancock, qal li l-bidu tal-programm tat-tilqim ifisser li d-dinja, sa fl-aħħar u, bil-mod il-mod, qed issib ‘triq ‘il barra’ mill-kriżi tal-coronavirus.
Hancock, li deher viżibbilment emozzjonat waqt id-diskors, qal lil Sky News li ‘ħassu kommoss bl-ewwel ritratti u filmati tan-nies huma u jingħataw it-tilqima’.
Is-Segretarju tas-Saħħa kompla li din kienet sena diffiċli ħafna u li issa ‘hemm xaqqa ta’ dawl għal kulħadd’ wara xhur konsekuttivi ta’ ansjetà u inċertezza. Intant, Hancock ħeġġeġ biex in-nies xorta waħda ‘iżommu d-dixxiplina u jirrispettaw ir-regoli tas-sigurtà għall-ftit xhur li jmiss’.
Il-Prim Ministru tar-Renju Unit, Boris Johnson, fl-aħħar sigħat żar sptar fl-inħawi ta’ Londra biex jara lin-nies waqt li kienu qegħdin jingħataw l-ewwel tilqim kontra l-Covid-19. Dan waqt li sostna li ‘l-proċess hu għall-ġid taċ-ċittadin u għall-pajjiż kollu’.
Johnson irringrazzja lill-ħaddiema kollha fil-qasam tas-saħħa ‘u lix-xjenzati kollha li stinkaw qatigħ biex jiżviluppaw il-vaċċin’. Hu radd ħajr ukoll ‘lill-voluntiera waqt il-provi tat-tilqim u lil kulmin segwa r-regoli biex jipproteġi lil ħaddieħor’.
Il-programm tat-tilqim, fl-aħħar sigħat, kien għaddej f’xi 50 sptar tar-Renju Unit – inklużi f’Wales, l-Iskozja u l-Irlanda.
Fir-Renju Unit mietu (s’issa) ‘il fuq minn 600,000 persuna mill-Covid-19 u li mewthom kellha sseħħ sa 28 jum minn wara li huma kienu kkonfermati bħala pożittivi għall-virus. Madankollu, hemm ukoll is-sinjali li r-Renju Unit, issa, jista’ qed joħroġ mill-agħar tat-tieni mewġa tal-pandemija tal-Covid-19.
Fi żviluppi oħra, il-Professur Stephen Powis, li hu d-Direttur Mediku Nazzjonali ma’ NHS England, qal li filwaqt li l-2020 kienet ‘sena mill-agħar’, qed jistenna li l-ħajja tirritorna għan-normal fi kwistjoni ta’ xhur. U f’messaġġ lin-nies li jistgħu qed iħossuhom ‘inkwetati’ dwar it-tilqima ġdida, Powis tenna li ‘din it-tilqima hi fost l-aktar forom sikuri ta’ mediċina li għandna f’idejna bħalissa’.
//= $special ?>