Il-President-elett tal-Istati Uniti, Joe Biden, għażel lill-Ġeneral tal-Armata rtirat, Lloyd Austin, biex iservi bħala s-Segretarju tad-Difiża Amerikan. Dan wara li Austin, fis-snin li għaddew, qeda r-rwol ta’ Kap tal-US Central Command taħt l-eks President tal-Istati Uniti, Barack Obama.
Jekk ikun approvat fil-kariga ġdida, Lloyd Austin, li rtira fl-2016, ikun l-ewwel Afrikan-Amerikan li għandu jmexxi l-Pentagon ta’ Washington. Sadanittant, il-Kungress, f’dan il-każ, għandu jippermetti għal ‘ċirkustanzi speċjali’ meta, is-soltu, ikunu jridu jgħaddu seba’ snin bejn perjodu ta’ servizz militari attiv u l-konferma tat-tmexxija tad-Difiża nazzjonali.
Joe Biden qed ikun imħeġġeġ mill-entitajiet Demokratiċi biex jagħżel persuni mill-minoranzi tal-Istati Uniti għall-karigi ewlenin bħal dan, kif ukoll bħala membri ewlenin tal-Kabinett Amerikan.
Intant, il-Ġeneral Austin għandu reputazzjoni bħala mexxej mill-aktar kapaċi u li ma jħobbx jagħti l-intervisti – wisq anqas jitkellem pubblikament dwar l-azzjonijiet militari ta’ pajjiżu.
//= $special ?>