Futbol Sport

Żejtun jirritornaw għar-rebħ

Chris Cassar

Żejtun C ………………………… 2

Lija A. ……………………………. 0

Żejtun C: C. Cassar, L. Moreira, A. Carabott (R. Do Nascimento 67’), K. Reid, T. Bonfim, C. Grech, F. Gomes, V. Vieira, E. Herrera, N. Tabone, A. De Barros.

Lija A –  L. Bonnici, L. Muscat, I. Borg, E. Beu, N. Micallef (N. Mclaren 72’), F. Brandan, H. Wood, M. Jimenez, J. Gill, C. Giordimaina, V. Alinho.

Referee: Daniel Portelli

B’żewġ gowls skorjati fit-tieni taqsima fi spazju ta’ żewġ minuti Żejtun għelbu lil Lija biex irritornaw għar-rebħ wara t-telfa li kienu sofrew kontra Sliema fl-aħħar ħarġa tagħhom.

Kienet logħba għal ħinijiet twal kwieta bi ftit azzjonijiet ta’ skor fejn ir-riħ kien il-protagonista assolut.

L-ewwel taqsima ftit kien fiha emozzjonijiet fl-ewwel parti tagħha bl-unika azzjoni tkun id-daqqa ta’ ras ta’ Erjon Beu wara tmien minuti logħob, daqqa ta’ ras li spiċċat mal-mimduda.

Wara dan u għal ħinijiet twal l-azzjonijiet kienu kollha f’nofs il-grawnd fejn iż-żewġ naħat bdew isibuha bi tqila biex jippenetraw anki għaliex il-qawwa tar-riħ bdiet ittellef sewwa fuq blalen għoljin.

Fl-34 minuta l-ewwel azzjoni ta’ Żejtun fejn Jose Gomes b’pass preċiż ġab lil Reid waħdu u dan wara li avanza ra x-xutt tiegħu salvat minn Bonnici u mir-rebound ix-xutt ta’ Vieira destinat għal ġewwa kien imblukkat minn Gill.

Erba’ minuti wara Żejtun mill-ġdid viċin il-vantaġġ b’ħarba oħra ta’ Reid li qabeż anki lill-goalkeeper u qassam għan-nofs fejn ix-xutt ta’ De Barros kien imblukkat minn Leon Muscat.

Fit-tieni taqsima l-azzjonijiet kienu verament ftit sakemm fit-73 minuta Vitor Vieira approfitta minn inċertezza fid-difiża ta’ Lija u għeleb lil Bonnici b’xutt fil-baxx. Żewġ minuti wara Żejtun għalqu l-logħba meta Reid qassam lejn Jose Gomes li skorja b’xutt fil-baxx.

Fl-aħħar minuti ż-żewġ naħat spiċċaw b’għaxar plejers meta tkeċċew Santos Robeiro ta’ Żejtun u Juan Cruz Gill ta’ Lija.