Il-Prim Ministru tar-Renju Unit, Boris Johnson u l-President tal-Kummissjoni Ewropea, Ursula von der Leyen qed iħejju għal taħditiet bil-għan li jiżblukkaw il-‘paraliżi’ li qed ixekkel ftehim kummerċjali bejn Londra u l-Unjoni ladarba r-Renju Unit itemm il-perjodu tat-tranżizzjoni relatat ma’ Brexit.
Il-laqgħa se ssir fi Brussell u wara li l-aħħar negozjati bejn ir-rappreżentanti tan-naħat rispettivi fallew milli jirranġaw id-differenzi dwar numru ta’ aspetti importanti. Il-ġlieda mal-ħin qed issir aktar akuta minħabba l-ħtieġa ta’ ftehim qabel il-31 ta’ Diċembru – id-data meta r-Renju Unit ma jibqax isegwi r-regoli kummerċjali tal-UE.
Intant, fadal id-diżgwid dwar id-drittijiet tas-sajd, ir-regoli li jiggwidaw il-kompetizzjoni ġusta fil-qasam tal-kummerċ u ‘l-amministrazzjoni ta’ ftehim eventwali’. Għaldaqstant, Johnson u von der Leyen – li qed tirrappreżenta lis-27 mexxejja tal-Istati-membri tal-UE — mistennija jenfasizzaw ‘il-punti tad-diżgwid partikulari’.
F’każ li jsir progress fuq livell politiku, isir possibbli biex in-negozjati bejn Lord David Frost, ir-rappreżentant tar-Renju Unit, u Michel Barnier, li qed jinnegozja f’isem il-UE, ikomplu fil-jiem li jmiss bil-għan li jintlaħaq ftehim.
Madankollu, is-sorsi qrib it-taħditiet qed iwissu li wieħed irid ikun realistiku fiċ-ċikustanzi u jaċċetta l-possibbiltà li l-ftehim ma jseħħx. Dan fost rapporti li Michel Barnier, waqt li kien qed jaġġorna lill-Ministri Ewropej dwar l-aħħar żviluppi indika l-potenzjal kbir ta’ no deal qabel jiskadi d-deadline stabbilit għal ftehim.
//= $special ?>