Internazzjonali

Covid-19: Tħassib dwar l-impenji tal-pajjiżi sinjuri ‘biex jaħżnu l-kwantitajiet esaġerati’ tal-vaċċin

Il-kelliema għal koalizzjoni ta’ gruppi favur it-tqassim xieraq tal-vaċċin għal kontra l-Covid-19 huma ansjużi dwar sitwazzjoni fejn il-pajjiżi sinjuri jaħżnu l-kwantitajiet tal-vaċċin li jaqbżu l-ammont meħtieġ – u bir-riżultat li jispiċċaw ma jitlaqqmux in-nies residenti fil-pajjiżi l-fqar.

Il-koalizzjoni bl-isem People’s Vaccine Alliance qalet li mas-70 pajjiż bi dħul baxx, f’sitwazzjoni bħal din, ikunu jistgħu ilaqqmu wieħed biss minn kull għaxra għal kontra l-coronavirus.

L-inkwiet qed jikber minkejja l-wiegħda tan-nies involuti ma’ Oxford-AstraZeneca (produtturi ta’ vaċċin partikulari) biex jipprovdu mal-64 fil-mija tad-dożi li tipproduċi lin-nies li jgħixu fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw.

Fl-istess ħin qed jittieħdu l-passi biex jaċċertaw li l-aċċess għall-vaċċin li jipproteġi kontra l-coronavirus ikun ‘ugwali’ madwar id-dinja.

Għalissa, l-attivisti li qed jaħdmu ‘għat-tqassim xieraq tat-tilqim’ irnexxielhom jaċċertaw mas-700 miljun doża tal-vaċċini biex jitqassmu bejn it-92 pajjiżi bi dħul baxx li huma indikati f’din l-iskema ta’ fejda.

Madankollu, il-People’s Vaccine Alliance – li hi network ta’ organizzazzjonijiet li jinkludu Amnesty International u Oxfam – qed tgħid li mhemmx biżżejjed vaċċini biex jitlaqqam kulħadd. Intant, spikka l-appell biex il-kumpaniji li jipproduċu l-mediċina ‘jaqsmu u jifirxu’ it-teknoloġiji involuti biex jaċċertaw il-produzzjoni ta’ aktar dożi tal-vaċċin.

Skond l-analiżi tal-Alleanza, il-pajjiżi sinjuri xtraw biżżejjed dożi biex ilaqqmu lill-popolazzjonijiet tagħhom ‘għal tliet darbiet aktar milli meħtieġ’ — u f’każ li l-vaċċini kollha li ħarġu s’issa jkunu approvati għall-użu. Dan meta l-Kanada (waħda fost il-pajjiżi sinjuri) ordnat biżżejjed vaċċini ‘biex tipproteġi għal ħames darbiet lil kull ċittadin minn tagħha’.

U minkejja li l-pajjiżi sinjuri qed jirrappreżentaw biss mal-14 fil-mija tal-popolazzjoni tad-dinja, l-istess pajjiżi, s’issa, xtraw sa 53 fil-mija tal-aktar vaċċini li jidhru li se jħallu riżultati tajbin fil-ġlieda kontra l-Covid-19.

Fi żviluppi oħra…

L-infezzjonijiet bil-Covid-19 qabżu l-15-il miljun fl-Istati Uniti. Dan meta l-President-elett, Joe Biden, wiegħed li jipprovdi mal-100 miljun tilqima għal kontra l-virus ‘sal-ewwel mitt jum tal-Presidenza tiegħu’ li ssir effettiva mill-20 ta’ Jannar.

It-tobba fl-Ingilterra mistennija jibdew ilaqqmu lin-nies kontra l-coronavirus mill-ġimgħa d-dieħla – u wara li t-tilqim ilu għaddej min-nhar it-Tlieta fil-pajjiż.