“Bħal lum 9 xhur kellna l-ewwel 4 każi pożittivi ta’ Covid-19, ħadd ma kien qiegħed jobsor li bosta familji kellhom jagħmlu xhur sħaħ ‘il bogħod minn xulxin, li tant nies kellhom joqgħodu f’iżolament, jitilfu x-xogħol u jmissu l-faqar. Ħadd ma kellu fi ħsiebu li tant nies kienu ser jiġu affettwati u li ser imutu tant anzjani.”
Sostniet dan il-Kap Eżekuttiv tal-Fondazzjoni Richmond Stephania Dimech Sant waqt konferenza tal-ahbarijiet fejn ġew preżentati ċifri mwettqa minn stħarriġ li twettaq fuq mhedda ta’ 6 xhur li fih ħareġ it-tħassib ewlieni tal-poplu Malti u Għawdxi – mħassba b’mod speċjali dwar is-sitwazzjoni finanzjarja tagħhom kawża tal-effetti li ħalliet fuqna l-pandemija.

Minn riċerka preżentata minn Vanessa Bajada ħareġ fid-deher iż-żieda tul dawn ix-xhur ta’ ansjetà u dipressjoni, biċ-ċifri ta’ Ottubru jilħqu l-istess livelli ta’ dawk li pajjiżna esperjenza fil-bidu tal-imxija. L-istħarriġ wera li numru ta’ persuni tul ix-xahar ta’ Ottubru stennew aktar miżuri ta’ mitigazzjoni adatti għas-sitwazzjoni li pajjiżna kien għaddej minnha meta kkumparat mal-azzjoni li ttieħdet fl-ewwel xhur tal-pandemija.
Dan filwaqt li l-aktar każi ta’ saħħa mentali kienu abbundanti fost in-nisa kif ukoll qalb iż-żgħażagħ ta’ bejn is-16 u l-24 sena – fatt li juri li l-poplu m’għandux jassumi li l-adolexxenti ma jimpurtahomx mill-fatti li qed jiġru madwarhom.

Dan ħareġ fid-deher ukoll mill-ammont ta’ persuni li ċemplu fuq in-numru tal-1770, il-helpline tal-Fondazzjoni Richmond – b’żieda ta’ aktar minn 400% f’appelli ta’ għajnuna – bit-telefonati b’rabta mal-Coronavirus jiżdiedu malli feġġew l-ewwel imwiet b’rabta mal-virus, jonqsu tul ix-xhur tas-sajf u għal darb’oħra jibdew jiżdiedu maż-żieda persistenti ta’ każi u mwiet li ġabet magħha t-tieni mewġa.
Għaldaqstant, għal dawn il-jiem ta’ festi, Fondazzjoni Richmond ser tkun qed tniedi diversi inizjattivi li wieħed jista’ jsir jaf aktar dwarhom fuq is-sit online tal-istess fondazzjoni fosthom filmati informattivi, kotba u CDs mużikali.
Intant l-appell tal-Fondazzjoni Richmond lill-familji Maltin u Għawdxin huwa wieħed sempliċi, “dan il-Milied għinuna sabiex ngħinu” bl-għotja tat-terapija.