“Ġimgħa mingħajr aċċess għal ibnek jew bintek jew wild għal ommu/ha jew missieru/ha, hi ġimgħa mitlufa. B’hekk inpoġġu tassew lill-bniedem fiċ-ċentru tal-politika tagħna. B’hekk ukoll nistgħu nkomplu nissaħħu lkoll.”
Hekk saħaq il-Kap tal-Partit Nazzjonalista, Bernard Grech, f’post fuq il-media soċjali li fiha qal kif wasal iż-żmien li jiġu indirizzati l-weġgħat ta’ persuni li għaddejjin minn diffikultajiet fil-familja, speċjalment fejn jidħlu l-ulied.
Bernard Grech semma tliet punti ewlenija li għandhom jiġu indirizzati minnufih, fosthom li wieħed jevalwa jekk għadux jagħmel sens li koppja sseparata tistenna erba’ snin sakemm tapplika għad-divorzju.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista appella għall-mekkaniżmu sabiex il-manteniment ikun ibbażat fuq kalkolu ċar sabiex il-ġudikanti, l-avukati u anki l-partijet ikunu jistgħu jimxu miegħu bħala linja gwida meta jiġi kkalkulat il-manteniment.
Għalhekk appella għal riforma fil-Qorti tal-Familja biex kawżi u rikorsi li jolqtu l-firda tal-ġenituri mill-ulied jinstemgħu iktar malajr biex b’hekk jitnaqqsu l-weġgħat u l-ħsarat, temm jisħaq Bernard Grech.
//= $special ?>