Lokali Parlament

Il-problemi fis-servizzi finanzjarji huma kaġunati minn deċiżjonijiet tal-Gvern

Mario de Marco, PN

Id-deputat Nazzjonalista Mario de Marco qal fil-parlament li l-kriżi fis-settur tas-servizzi finanzjarji fil-pajjiż m’humiex riżultat tal-COVID iżda huma riżultat tad-deċiżjonijiet tal-gvern Laburista.

Dan qed jgħidu l-Moneyval li qed juri nuqqasijiet li ġejjin min-naħa tal-gvern li qed jgħid li donnu l-gvern m’għandux l-aptit li jilleġiżla u jimplimenta l-liġijiet.

Il-gvern ma kienx qed jieħu bis-serjetà l-ħasil ta’ flus għalkemm issa f’daqqa waħda qed jitressqu ħafna iktar persuni; għalkemm ċertu nies xorta jidher li ma jitressqux. Il-pajjiż irid jara x’se jseħħ wara l-analiżi li se jagħmel il-Moneyval.

Id-deputat Nazzjonalista qal li l-gvern mhux iħares lejn l-istampa sħiħ anki wara li ħareġ ir-rapport tal-Fitch li titratta l-impenn tal-pajjiż biex Malta tkun f’linja mal-liġijiet ta’ kontra l-ħasil tal-flus.

Dwar il-correspondent banking, Fitch tkellem b’mod negattiv u kif Malta Malta tilef il-corresponding banks kollha li kellha biex il-banek qed ikollhom jadattaw għal sitwazzjonijiet li ma kienux imdorrijin jaħdmu bihom.

Id-deputat Nazzjonalista kompla li s-CEO il-ġdid tal-BOV ukoll sostna li l-pajjiżi barranin qed iħarsu lejn il-pajjiż bħala wieħed b’ekonomija ta’ riskju ogħli tant li diversi banek kbar barranin qatgħu l-kuntatti kollha ma’ Malta.

Hu tkellem dwar ir-rapport tal-Fitch u qal li l-gvern qed jinjora l-konklużjonijiet tal-Fitch fejn qal li l-kontroll tal-korruzzjoni naqas b’mod qawwi.

Kien il-gvern li waqqa’ lill-pajjiż f’livelli baxxi ta’ kontroll tal-korruzzjoni; għal dan jaħti biss il-gvern u mhux l-Opożizzjoni li tattira l-attenzjoni tal-gvern għaldan in-nuqqas. Il-Fitch stabbilew ukoll li anki l-libertà tal-media f’Malta kompla jonoqs.