Knisja Lokali

“Kburi bil-Knisja li sawritni” – Kardinal Mario Grech

Inħossni kburi li nagħmel parti mill-Knisja Maltija u ċertament li se nibqa’ niftakar fil-ħafna tajjeb li hawn fil-qlub ta’ bosta li jagħmlu parti minn din il-Knisja Missjunarja, li tiftaħ qalbha għall-ġid tal-Ispirtu.

Kliem il-Kardinal ġdid, Mario Grech, fl-Omelija tiegħu waqt il-Konċelebrazzjoni Solenni ta’ Radd il-Ħajr għall-ħatra tiegħu, fil-Konkatidral ta’ San Ġwann.

Il-Kardinal kompla li f’Ġesù Kristu, għandna nsibu l-mistrieħ mill-madmad li kull wieħed u waħda minnha – xi darba jew oħra – inħabbtu wiċċna miegħu, b’kull forma u piż tul il-mixja ta’ ħajjitna.

Il-Monsinjur Grech insista li għandna bżonn niftħu aktar qalbna għal Ġesù Kristu u nsiru nafuh aħjar. Għaldaqstant, appella lill-komunità ekkleżjali biex jagħmlu l-qabża li hemm bżonn fil-mixja tal-Knisja Kattolika, filwaqt li insista li l-Knisja m’għandhiex tibqa’ taħt il-perċezzjoni f’għajnejn il-poplu bħala l-Gwardjana tal-Etika iżda dik li twassalna għal Ġesù.

Fakkar li hemm baħar jaqsam bejn stqarrija ta’ fidi u prattika bejn ħajja personali u pubblika għax, fi kliemu, din hi reliġjożità u mhux reliġjon.

Il-Kardinal Grech – li hu wkoll is-Segretarju Ġenerali tas-Sinodu tal-Isqfijiet – saħaq li jemmen li għall-mument il-Knisja għandha tirtira minn ċerti oqsma biex verament insaħħu aktar it-twemmin tagħna.

Hu sellem lill-kongrezzjoni preżenti bi kliem il-Papa Ġwanni Pawlu t-Tieni meta żar pajjiżna l-ewwel darba u wiegħed li se jħeġġeġ lill-Papa Franġisku biex anke hu jiġi jżurma.

Matul iċ-ċelebrazzjoni, il-Kardinal il-ġdid kien assistit fost l-oħrajn mill-Arċisqof ta’ Malta Charles Scicluna u n-Nunzju Appostoliku Alessandro D’Errico.

Fi tmiem il-Quddiesa, l-Arċisqof Scicluna sellem u rringrazzja lill-Kardinal Grech, filwaqt li ppreżentalu pittura, li turi lill-Madonna tal-Istennija – Omm in-Nisrani tmelles żaqqha waqt li tistenna li twelled lil binha Ġesù.

Preżenti fil-Konkatidral, fost l-oħrajn, l-ogħla awtoritajiet tal-pajjiż fosthom il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech u s-Sinjura Grech, kif ukoll il-President ta’ Malta George Vella u s-Sinjura Vella.