Lokali

L-eks Chief of Staff ta’ Joseph Muscat reġa’ kien interrogat mill-Pulizija

Jidher li Keith Schembri issejjaħ fit-Taqsima tar-Reati Finanzjarji u Ekonomiċi biex jiġi mistoqsi fuq l-allegat tixħim mill-bejgħ tal-passaporti

Rapporti fil-media qed jgħidu li llum waranofsinhar, Keith Schembri reġa’ ssejjaħ għal madwar siegħa biex ikun interrogat mill-Pulizija.

Dan b’rabta mal-allegat tixħim ta’ €100,000 mingħand l-Awditur tiegħu, Brian Tonna, mill-bejgħ tal-Passaporti.

Jidher li l-eks Chief of Staff f’Kastilja kien interrogat fit-Taqsima tar-Reati Finanzjarji u Ekonomiċi, f’sessjoni li kienet skedata.

Dak li kien l-id il-leminija ta’ Joseph Muscat jerġa’ jinsab barra, hekk kif kellu l-Police Bail fuq żewġ każi differenti b’rabta ma’ ħasil ta’ flus u abbuż mill-pożizzjoni influwenti li kellu.

Min-naħa tiegħu, l-eks Ministru Konrad Mizzi ċaħad li ssejjaħ għall-interrogazzjoni wkoll.