L-Istitut tal-Ġurnalisti Maltin (IĠM) ċanfar bis-saħħa l-attitudni u kliem il-Ministru Ian Borg wara l-mod kif tratta lill-ġurnalista ta’ NET News Christine Amaira.
It-Tnejn li għadda, il-Ministru Borg qal li kieku kien l-Editur tagħha, kien ikeċċiha mill-impjieg. Dan kollu, għax hi baqgħet tistaqsi mistoqsijiet li l-Ministru ma kienx komdu jwieġeb.
Fi tweġiba li ta lill-IĠM, il-Ministru talab apoloġija, għalkemm fl-istess waqt stqarr li inftiehem ħażin.
Iżda għall-IĠM, l-attitudni u kliem Ian Borg juru arroganza u nuqqas ta’ rispett, f’offiża serja meta tasal mingħand persuna pubblika bħal Ministru. L-Istitut qal li, għall-kuntrarju ta’ li qal il-Ministru, dan ma kienx każ fejn it-tweġiba tal-Ministru ma kinitx kif tixtieq il-ġurnalista.
Minflok, kompla l-IĠM, it-tweġiba ta’ Ian Borg kienet barra minlokha u intenzjonata biss biex jevita milli jwieġeb u jipprova jċekken l-importanza tal-mistoqsija. L-Istitut spjega li battuti foqra u attitudni superjuri huma fatturi serji li juru arroganza u sens ta’ xejn mhu xejn.
L-IĠM appella għar-rispett reċiproku, fejn kemm il-politiku kif ukoll il-ġurnalist jifhem li qegħdin hemm biex joffru servizz lill-pubbliku, kif ukoll li s-servizz isir b’dinjità, rispett u dekor.
//= $special ?>