Lokali Parlament

Qed ssir kważi impossibbli li jsir negozju f’Malta

Kristy Debono, PN

Id-deputat Nazzjonalista Kristy Debono appellat biex tissewwa l-ħsara li saret lir-reputazzjoni ta’ Malta għaliex bil-miżuri li qed idaħħlu l-banek, qed issir kważi impossibbli li jsir negozju f’Malta.

Fil-parlament Kristy Debono qalet li l-emendi li qed iressaq il-gvern se jġibu lil Malta fl-istess livelli f’pajjiżi oħra Ewropej fis-settur tas-servizzi finanzjarji u li huma imposti fuq Malta mill-istituzzjonijiet finanzjarji Ewropej.

Il-konsensus politiku f’dan is-settur hu vitali, sostniet id-deputat Nazzjonalista, li kompliet li l-gvern għandu jerġa’ jirrestawra r-reputazzjoni internazzjonali tal-pajjiż u l-isem tal-MFSA. Fil-passat l-MFSA qatt ma kellha problemi ta’ kredibbiltà iżda fl-aħħar xhur kienet qed tirriskja li tkisser ir-reputazzjoni.

Kristy Debono kompliet li s-saga tas-Satabank, il-golden handshakes, iż-żewġ uffiċjali ogħlja tal-MFSA li siefru ma’ Yorgen Fenech u l-Pilatus Bank għamlu ħsara kbira lill-MFSA. Hi tkellmet dwar is-CSPs u qalet li l-PN jaqbel li jkun hemm aġġornament partikolament fir-rekwiżiti neċessarji biex l-intrapriżi żgħar jirreġistraw. Issa mhux iż-żmien li jinħolqu diffikultajiet ġodda fdan is-settur, sostniet Kristy Debono, li kompliet li kull ħolqa hi importanti f’dan is-settur.

Id-deputat Nazzjonalista kompliet li l-akbar theddida għas-settur finanzjarju hi r-reputazzjoni ħażina li ħa l-pajjiż għaliex il-gvern jidher li ma jinetressaħx mill-branding tal-pajjiż u mhux jiġġieled kontra l-korruzzjoni. Hi semmiet il-pożizzjoni negattiva li ħadu diversi entitajiet Ewropej fil-konfront tal-gvern Laburista. Fitch qed turi, fost l-oħrajn, tħassib dwar il-governanza u s-saltna tad-dritt; li m’humiex relatati mal-COVID.

Id-deputat Nazzjonalista kompliet li Fitch sosniew ukoll li l-governanza tal-pajjiż qed tiddeterjorja. Il-kwistjoni tal-correspondent banking għadha waħda ta’ prekawzjoni. Jekk dan is-settur jintilef il-BOV, l-impatt ikun kbir fuq l-ekonomija b’mod ġenerali.

Qed isir dejjem iktar diffiċli li Malta tattira correspondent banks biex jaħdmu ma’ Malta u jista’ jkun hawn kriżi jekk ma jinstabx bank li jaħdem ma’ Malta. Ftit ġimgħat ilu l-BOV tilef l-aħħar correspondent bank u jidher li m’hemmx alternattivi oħra.

Sena ilu l-gvern kien qal li għandu diskusjsonijiet ma’ banek żgħar sakemm jinstab bank kbir li jaħdem ma’ Malta iżda s’issa ma kienx hawn informazzjoni dwar dan. Il-correspondent banks huma meħtieġa biex isiru transazzjonijiet ma’ kumpaniji internazzjonali u biex il-banek ikunu jistgħu joperaw bid-dollaru.

Bħalissa hawn realtà ta’ tnaqqis ta’ servizzi bankarji fejn barranin qed isibuha ferm diffiċli li jġibu l-permessi ta’ xogħol f’Malta u jeħlu biex jiftħu kont bankarju.

Dan qed iwassal biex ikun hemm tnaqqis fis-servizzi lill-konsumaturi għaliex il-proċeduri ta’ due diligence żdiedu ħafna. Bħalissa l-HSBC qed ibiddel il-metodu kif jopera billi jagħlaq diversi fergħat bil-konsegwenza li ħafna nies, fosthom l-anzjani, qed jispiċċaw vittma tad-diviżjoni diġitali.

Hi qalet li s-settur tal-gaming hu wkoll settur pilastru fl-ekonomija tal-pajjiż u tkellmet dwar l-importanza li l-pajjiż ma jitlifx il-kompetittività tiegħu. Dwar il-moneyval, Kristy Debono qalet li s-sitwazzjoni hi waħda diffiċli u hu kruċjali biex isir eżerċizzju biex il-ħsara ma jkollhiex effetti fuq l-ekonomija.

Importanti li Malta żżomm l-indipendenza fiskali quddiem l-isfidi ta’ taxxi komuni għaliex jekk dan isieħħ diversi setturi jitilfu l-awtonomija fiskali, sostniet Kristy Debono, li appellat biex jitnaddaf isem il-pajjiż.