Futbol Sport

Rebħa li ttella’ lil Gudja waħedhom fir-raba’ pożizzjoni

(Ritratt: Dominic Aquilina/ MFA)

Luke Micallef

SENGLEA ATHLETIC…………………. 0

GUDJA UNITED…………………. 2

Senglea: M. Farrugia, N. Terzin, Z. Cassar, A. Abela, K. Atkinson, I. Misan (R. Martin 81’), D. Abela (F. Aboulezz 63’), J. Dibola, D. Kukic, D. Xuereb, W. Gomes

Gudja: G. Zammit, J. Farrugia, Y. Messias, T. Vella (T. Gusman 71’), L. Cremona (A. Friggieri 59’), G. Mensah, B. Gonzalez, N. Micallef, J. Grioli, D. Camilleri (J. Brincat 87’), P. Silva Mota

Imwissija: K. Atkinson 11’ (S), G. Wilkerson 28’ (S), L. Cremona 30’ (G), D. Kukic 36’ (S), T. Vella 40’ (G)

Skorjaw: B. Gonzalez 49’ (G), Y. Messias 76’ (G)

Referee: Darryl Agius

Assistenti Referees: Luke Portelli, James Muscat

In-Nazzjon Plejer tal-logħba: Y. Messias (Gudja U.)

BOV Plejer tal-logħba: Y. Messias (Gudja U.)

Qabel din il-partita, it-tim Gudjan kien ġej minn rebħa missielta ta’ 3-2 kontra Balzan filwaqt li Senglea kienu ġejjin minn telfa ta’ 2-1 kontra Birkirkara. F’dan l-inkontru ż-żewġ timijiet kellhom bżonn ir-rebħa, Senglea sabiex jinqalgħu mill-qiegħ tal-klassifika u Gudja sabiex jibqgħu mat-timijiet ta’ fuq. F’logħba bilanċjata u b’azzjonijiet fuq iż-żewġ naħat, kien it-tim immexxi minn Jesmond Zammit li ħareġ bit-tliet punti f’idejh u b’hekk issa l-Gudjani telgħu fir-raba’ pożizzjoni, 3 punti biss taħt il-leaders tal-kampjonat, Hibernians.

L-ewwel azzjoni denja ta’ nota waslet mat-tielet minuta hekk kif Yuri Messias ra x-xutt angolat tiegħu jgħaddi ftit barra. Għaxar minuti wara xutt tal-istess Messias għadda ftit għoli. Fit-22 minuta Daneel Abela għadda ballun pinġut lil Kevaughn Atkinson li sab lil Glenn Zammit attent u ċaħħdu minn gowl ċert. Fis-26 minuta xutt minn barra l-kaxxa ta’ Igor Misan għadda ftit barra filwaqt li ftit qabel il-mistrieħ freekick ta’ David Xuereb li ma ntmess minn ħadd, stampa mal-lasta ta’ Gudja.

Fl-ewwel azzjoni tat-tieni taqsima, wara li rċieva minn fuq ix-xellug, Junior Dibola ra x-xutt tiegħu minn quddiem il-lasti difiżi minn Zammit jgħaddi barra. Fid-49 minuta Gudja United marru minn fuq. Kien propju BENAC GONZALEZ li rċieva minn korner u bir-ras tefa’ fil-ġenb tax-xibka Sengleana wara Matthew Farrugia. Fil-65 minuta t-tim Gudjan viċin li jirdoppja. Minn kross ta’ Terence Vella, daqqa ta’ ras tas-sostitut Aidan Friggieri stampat mal-lasta l-mimduda. Fis-76 minuta minn korner dirett YURI MESSIAS qabad lid-difiża u l-gowler barra minn posthom sabiex skorja t-tieni gowl għal Gudja. Senglea ma ħolqu l-ebda periklu għall-avversarji sad-disgħin minuta.