Lokali

Robert Abela falla t-test tal-governanza tajba – il-Partit Nazzjonalista

Id-deċiżjoni tal-Kumitat tal-Affarijiet Legali tal-Kunsill tal-Ewropa dwar is-saltna tad-dritt f’pajjiżna tikkonferma għal darb’oħra li Robert Abela u li l-Gvern immexxi minnu fallew it-test tal-governanza tajba u qed ikomplu jagħmlu ħsara kbira lir-reputazzjoni ta’ pajjiżna.

Fi stqarrija, iffirmata mill-Kelliema tal-Oppożizzjoni Karol Aquilina u Jason Azzopardi, il-Partit Nazzjonalista qal li minflok ra kif għamel biex saħħaħ l-istituzzjonijiet ta’ pajjiżna, l-Prim Ministru Robert Abela għażel li jkompli fuq l-eżempju ħażin tal-predeċessur tiegħu Joseph Muscat billi jikkontrolla u jdgħajjef l-istituzzjonijiet ta’ pajjiżna għall-iskopijiet partiġġjani tiegħu.

Kif qal il-Kumitat tal-Affarijiet Legali tal-Kunsill tal-Ewropa, pajjiżna għadu ferm lura milli jwettaq ir-rakkomandazzjonijiet tal-Kunsill tal-Ewropea dwar is-saltna tad-dritt biex tiġi żgurata ġustizzja fil-każ tal-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia.

L-Oppożizzjoni tistenna li l-Prim Ministru Robert Abela ma jibqax ikaxkar saqajh u jwaħħal f’ħaddieħor għall-fallimenti tiegħu u tal-Gvern immexxi minnu. Sal-lum persuni bħal Joseph Muscat, Konrad Mizzi u Keith Schembri għadhom ħielsa minn kull prosekuzzjoni u l-istituzzjonijiet ta’ pajjiżna għadhom jiżfnu għad-daqqa ta’ min għandu interess li każijiet serji ta’ korruzzjoni ma jaslux għal prosekuzzjoni ta’ persuni quddiem il-qrati ta’ pajjiżna.

Bl-istess mod il-Prim Ministru Robert Abela qiegħed b’mod irresponsabbli jibqa’ jinsisti li jwaqqaf l-inkjesta pubblika dwar l-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia u dan minkejja li jaf li l-inkjesta pubblika tiġi fi tmiemha biss meta t-tliet imħallfin fdati biha jkunu kkonkludew l-inkarigu li ġie fdat lilhom.

Dan l-aġir tal-Prim Ministru mhux biss huwa politikament kundannabbli iżda huwa wkoll perikoluż u inaċċettabbli fi kwalunkwe soċjetà demokratika bbażata fuq is-saltna ta’ dritt bħalma suppost huwa pajjiżna.