F’dawn il-jiem, qed ikompli l-proċess ta’ tiġdid fil-Partit Nazzjonalista, anke kif mitlub fl-Istatut il-ġdid tal-Partit. Fil-fatt, fl-aħħar ġimgħat kienu eletti l-Kumitat l-ġodda tal-Fergħat, filwaqt li matul Jannar se jkunu eletti l-Kumitati Sezzjonali.
Ma’ NET News, is-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista Francis Zammit Dimech qal li hu sodisfatt u kburi bil-mod kif il-Partit qed ikun xprunat minn dan il-proċess ta’ tiġdid. Dan filwaqt li għada, il-Kumitat Eżekuttiv se jkun qed jivvota biex jagħżel żewġ Uffiċjali ġodda, li kienu introdotti fl-Istatut aġġornat.
L-ewwel kariga hi dik ta’ President għad-Djalogu Soċjali, li se jkun qed jikkordina kif il-Partit Nazzjonalista jżomm il-kuntatt fost l-oħrajn man-negozjanti, mal-NGOs, mas-soċjetà ċivili kollha biex il-preżenza tal-Partit tissaħħaħ lil hinn mill-Partit.
Il-kariga l-oħra hi dik ta’ President għar-Riċerka Politika, li se jkun qed jara li ssir ir-riċerka meħtieġa l-ħin kollu ħalli jevalwa dak li jkun qed jiġri fl-oqsma differenti tal-ħajja. Se jkun qed jara wkoll x’għandu jiggwida lill-Partit Nazzjonalista fil-formolazzjoni tal-politika tiegħu.
Il-persuni nominati għal dawn iż-żewġ karigi ġodda huma l-Imprenditur Ivan J. Bartolo u l-Avukat Martina Caruana rispettivament.
Is-Segretarju Ġenerali spjega li malli jkunu approvati, dawn iż-żewġ Uffiċjali se jkunu qed jiffurmaw parti mit-Tim tat-Tmexxija tal-Partit Nazzjonalista.
//= $special ?>