Internazzjonali

Somalja: L-ebda bidla ta’ politika minkejja d-direttiva għall-irtirar tat-truppi Amerikani

Kelliema għall-Pentagon f’Washington qed jgħidu li d-direttiva tal-President Amerikan Donald Trump biex jirtiraw it-truppi kważi kollha (Amerikani) mis-Somalja bl-ebda mod ma tfisser bidla radikali fil-politika tal-Istati Uniti fir-rigward tal-pajjiż Afrikan.

L-Istati Uniti għandha madwar 700 truppi fis-Somalja li qegħdin jgħinu lill-qawwiet lokali biex jikkumbatti lill-militanti Iżlamiċi mal-grupp al-Shabab u ġellieda ġiħadisti oħra fil-pajjiż.

Intant, id-direttiva ta’ Trump tesiġi biex il-maġġoranza assoluta tas-suldati Amerikani joħorġu mis-Somalja sal-15 ta’ Jannar – bl-uffiċjali f’Washington itennu li dawn it-truppi għandhom ikunu stazzjonati fl-Istati ġirien tal-Afrika. Dan għandu jippermetti ‘biex il-militar jaqsmu lura fis-Somalja (mill-fruntiera) f’każ ta’ theddida speċifika lis-sigurtà’.

Il-President Trump, fl-aħħar xhur, ħareġ direttivi simili għat-tnaqqis tal-qawwiet Amerikani fl-Iraq u fl-Afganistan.

Madankollu, il-Pentagon qed jagħmilha ċara li l-impenn għat-trasferiment tal-maġġoranza tas-suldati u assi militari tal-Istati Uniti ‘il hinn mis-Somalja sal-ewwel jiem tal-2021 ma jindikax li l-Amerikani ‘qegħdin jabbandunaw lill-pajjiż inkwistjoni’.

L-istqarrija għamlitha ċara li l-Istati Uniti se tkompli tistinka biex tnaqqas it-theddida tal-organizzazzjonijiet estremisti vjolenti li kapaċi jkunu ta’ theddida għall-pajjiżi ‘il hinn mis-Somalja. Dan waqt li l-Istati Uniti qed taħseb ‘biex iżżomm il-vantaġġ strateġiku tagħha’ fir-reġjun partikulari.