Internazzjonali

Stati Uniti: Miċħud it-tentattiv biex jinqaleb ir-riżultat f’Pennsylvania

Il-Qorti Suprema tal-Istati Uniti ċaħdet l-isfida tar-Repubblikani fir-rigward tar-rebħa elettorali tal-President-elett Amerikan, Joe Biden, fl-Istat ta’ Pennsylvania.

Ir-Repubblikani f’dan l-Istat riedu jwaqqfu l-konferma tar-riżultat favur Biden, iżda l-Imħallfin ċaħdu għal din it-talba — bid-deċiżjoni tagħhom ma tistax tkun suġġetta għall-appell.

L-aħħar żviluppi huma daqqa ta’ ħarta oħra għall-President Amerikan Donald Trump li, qabel, issuġġerixxa — mingħajr ma produċa l-provi kredibbli — li r-riżultat tal-elezzjoni għall-Presidenza tal-Istati Uniti ‘kellu jkun deċiż fil-Qorti Suprema’.

Donald Trump ħareġ tellief fl-elezzjoni presidenzjali tat-3 ta’ Novembru u waqt li hu ma jridx jammetti t-telfa, kollox jindika li Joe Biden, l-isfidant Demokratiku, se jieħu l-ġurament bħala s-46 President tal-Istati Uniti, fl-20 ta’ Jannar li ġej.