Lokali Qorti

Żagħżugħ mixli b’terrur fil-Belt bi ħruq ta’ residenza, karozzi u muturi

Żagħżugh ta’ 21 sena mill-Belt inżamm taħt arrest preventiv wara li ġie mixli quddiem il-Maġistrat Nadine Lia li wettaq terrur fost ħafna mir-residenti tal-lokalità tiegħu billi allegatament ta n-nar bieb ta’ residenza kif ukoll li ta n-nar tliet vetturi u li għamel ħsara fuq tliet muturi.

Brentley Pace ta’ 21 sena li qal li jaħdem bħala store keeper ġie mixli li waħda mill-mill-vetturi li huwa ħaraq fil-lejl ta’ bejn l-24 u l-25 ta’ Settembru li għadda u li kienet fil-parkeġġ magħruf bħala ‘Four Winds’ fil-Belt kapitali u kienet tas-Sindku tal-Belt Alfred Zammit. 

L-Ispettur Jeffrey Scicluna, qal fil-Qorti li l-każ jirrelata ma’ ħruq ta’ karozzi u ħruq ta’ bieb fil-Belt Valletta. Ir-reati seħħew fil-perjodu ta’ bejn April u Settembru ta’ din is-sena. Tenna  li mill-istħarriġ li għamlet il-Pulizija, fejn inġabru diversi filmati minn kameras tas-CCTV, ġie stabbilit il-mod kif kienu qed jingħataw in-nar dawn il-vetturi. 

Kien f’Settembru li l-Pulizija arrestaw lil Pace fejn ġew elevati mobiles, ħwejjeġ, basket u anke scooter li dehru fil-filmati. L-imputat kien ingħata l-police bail minħabba l-fatt li kien hemm ċertu apparat li ried isir l-analiżi fuqu kellu jingħata u l-Pulizja kienet qed tistenna r-riżultat tal-istess analiżi. 

Huwa reġa’ kien arrestat u tressaq il-Qorti fejn wieġeb mhux ħati tal-akkużi miġjuba kontrih bid-difiża titlob għall-ħelsien mill-arrest tiegħu.  Il-Prosekuzzjoni oġġezzjonat bil-qawwa kollha għal din it-talba minħabba l-gravità tar-reati fejn ingħat li dawn “tterrorizzaw lill-Belt Valletta.”

Il- ċaħdet it-talba għall-ħelsien mill-arrest minħabba li għad baqa’ diversi xhieda pajżana li għad iridu jixhdu u n-natura gravi tar-reati.  Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispetturi Jeffrey Scicluna, Saviour Baldacchino u Priscilla Caruana Lee. L-Avukat David Gatt deher għal Pace.