Lokali Qorti

30 xahar ħabs wara li ammetta li seraq minn dar u pprova jisraq minn oħra

Raġel ta’ 40 sena li għandu problema tad-droga ġie kundannat 30 xahar ħabs wara li ammetta li seraq minn residenza u ttanta jisraq minn oħra. Keith Pace li fil-passat wettaq reat simili biex jissodisfa l-vizzju tad-droga wettaq serqa minn dar f’Raħal Ġdid fl-14 ta’ Awwissu tal-2018.

Il-valur tas-seqa mid-dar jaqbeż l-€2,333. Huwa ammetta wkoll reat ta’ attentat ta’ serq minn dar oħra f’Santa Venera fit-23 ta’ Settembru ta’ sentejn ilu, liema serqa ma seħħitx minħabba xi ħaġa aċċidentali u ndipendenti mill-volontà tiegħu.

Huwa nstab ħati wkoll li sar reċidiv. Fis-sentenza tagħha l-Qorti wara li semgħet ix-xhieda tal-uffiċjali tal-probation Matthew Fleri Soler, Chris Mercieca u Shaun Catania kienet ċahdet it-talba tad-difiża biex din il-Qorti tigi kkonvertitat f’Qorti dwar id-droga hekk kif mahsub f’ artikolu 8 tal-Kapitolu 537 tal-Ligijiet ta’ Malta.

Il-Qorti preseduta mill-Maġistrat Simone Grech qalet li mill-piena ta’ 30 xahar priġunerija għandu jitnaqqas iż-żmien li huwa nżamm taħt arrest preventiv in konnessjoni mar-reati li tagħhom qed jinstab ħati permezz ta’ din is-sentenza.

Għal fini ta’ piena, il-Qorti fliet il-fedina penali ta’ l-imputat kif ukoll qieset ix-xhieda li tressqet u l-pre-sentencing report. Ikkunsidrat ukoll ix-xhieda mogħtija mir-rapprezentanti ta’ l-OASI Foundation minn fejn jirriżulta l-avvanz u progress kbir li ghamel l-imputat biex jegħleb il-vizzju tad-droga.

Ghalkemm jidher li Pace impenja ruħu sabiex jegħleb il-vizzju tad-droga, l-Qorti qalet li ma tistax tiskarta in-natura tal-akkużi u l-kondotta tal-ħati. Għal fini ta’ piena, l-Qorti qieset ukoll l-ammissjoni bikrija f’dawn il-proċeduri. Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispetturi Mario Xiberras, Shawn Pawney u Wayne Camilleri.