L-Istati Uniti reġistrat 3,054 mewta relatati mal-Covid-19 għal ġurnata waħda – bl-istatistika tirrifletti l-akbar total ta’ mejtin mill-coronavirus, għal perjodu ta’ 24 siegħa, mill-bidu tal-pandemija ‘il hawn. Ir-rekord preċedenti ta’ imwiet kien ta’ 2,769 li kien irreġistrat fis-7 ta’ Mejju.
Sadanittant, il-Covid Tracking Project qed jgħid li ‘il fuq minn 106,000 jinsabu l-isptar fejn qed ikunu trattati għall-effetti tal-coronavirus. L-isptarijiet f’numru ta’ Stati Amerikani huma kważi mimlijin u l-esperti wissew li l-affarijiet se jkunu agħar fil-ġimgħat li ġejjin jekk kemm-il darba n-nies jibqgħu jinjoraw it-twissijiet biex jevitaw il-vjaġġi bla bżonn u biex ma jinġabrux fi gruppi kbar.
L-esperti jaqblu li l-qabża kbira fl-infezzjonijiet bil-coronavirus fl-Istati Uniti hi dovuta għal sitwazzjonijiet fejn in-nies ma tawx każ il-prekawzjonijiet meħtieġa waqt il-festa ta’ Thanksgiving.
L-Istati Uniti tibqa’ l-agħar pajjiż tad-dinja affettwat mill-coronavirus u meta għandha ‘il fuq minn 15-il miljun każ irreġistrat, u 289,000 mewta relatata.
Sadanittant, il-Kanada – l-istess bħar-Renju Unit – approvat il-vaċċin tal-Pfizer-BioNTech għal kontra l-coronavirus, fost it-tamiet li t-tilqim taċ-ċittadini jibda mill-ġimgħa d-dieħla, L-istess vaċċin hu wkoll awtorizzat għall-użu fil-Bahrain u l-uffiċjali qed jistennew li l-awtoritazzjoni għall-użu tagħha fl-Istati Uniti tkun ikkonfermata fi kwistjoni ta’ ġranet.
Il-konsulenti ewlenin ma’ Health Canada qalu li dan l-iżvilupp għandu jitqies bħala wieħed tassew storiku ‘għaliex, sa ftit xhur ilu, ħadd ma basar li d-dinja se tkun kapaċi bi3s tawtorizza u tiddistribwixxi virus effettiv f’anqas minn sena mindu sirna nafu bil-coronavirus’.
Madankollu, is-sitwazzjoni fil-Ġermanja tidher li qalbet għall-agħar fost stennija li jiżdiedu l-imwiet mill-virus fil-ġimgħat li ġejjin. L-esperti ewlenin involuti fil-programmi kontra l-mard li jittieħed wissew li ‘iċ-ċirkustanzi huma inkwetanti’ wara qabża fl-infezzjonijiet f’din l-aħħar ġimgħa. Il-Ġermanja, issa, irrappurtat 440 mewta ġdida mill-Covid-19 fuq żmien ta’ 24 siegħa.
Intant, fl-Albanija, mijiet ta’ nies ħarġu fit-toroq ta’ Tirana wara li l-pulizija, allegatament, qatlu raġel li kien kiser il-curfew impost bħala miżura kontra l-firxa tal-coronavirus. Id-dimostranti qerdu s-siġar tal-Milied u tiżjin ieħor madwar il-kapitali minkejja li l-uffiċjal tal-pulizija li qed ikun akkużat dwar il-qtil inżamm taħt l-arrest — bl-awtoritjiet qegħdin jinvestigaw il-każ.
Fi Franza, il-Prim Ministru Jean Castex kien mistenni jħabbar il-miżuri għat-tnaqqis tal-lockdown, iżda dawn il-miżuri mistennija jitmexxew b’mod gradwali wara li r-rata tal-infezzjonijiet ma naqsitx fuq il-livell li xtaqu l-awtoritajiet.
U fis-Slovakkja, l-awtoritajiet ħarġu direttivi biex l-iskejjel u l-parti kbira tal-ħwienet jagħlqu għal talanqas tliet ġimgħat, mill-21 ta’ Diċembru. Kważi l-poplu Slovakk kollu ħa sehem fi programm ta’ testijiet għall-coronavirus fuq livell ta’ massa, f’tentattiv biex ma jsirux aktar lockdowns.
Sadanittant, l-Afrika t’Isfel – il-pajjiż li ġarrab l-akbar impatt mill-coronavirus fil-kontinent Afrikan – daħlet fit-tieni fażi tal-pandemija, u fejn, fl-aħħar sigħat, irreġistrat mas-7,000 każ ġdid tal-Covid-19 għal ġurnata waħda.
//= $special ?>