Il-Kamra tal-Avukati mhix sodifatta bil-bidliet li preżenta l-Gvern riċentament u li se jaffetwaw ix-xogħol tal-avukati f’pajjiżna. Dan intqal fi stqarrija fejn il-Kamra tgħid li l-bidliet saru biss biex il-Gvern iwieġeb għar-rapport iebes tal-Moneyval.
Fl-istqarrija, il-Kamra tal-Avukati tgħid li l-Abbozz ta’ Liġi preżentat fil-Parlament qiegħed biss jagħmel eżerċizzju ta’ ‘window dressing’ – sempliċiment biex iqarraq u jagħti impressjoni falza. L-avukati qed jgħidu li l-emendi ma joffru ebda titjib sostanzjali għall-professjoni.
Il-Kamra tal-Avukati qalet illi diġa’ esprimiet nuqqas ta’ qbil mal-Ministru tal-Ġustizzja dwar l-emendi preżentati fl-4 ta’ Diċembru, u insistiet li “assolutament mhix sodisfatta” b’dan it-tibdil.
Fl-istqarrija, dawn il-bidliet li tressqu fil-Parlament qed jiġu deskritti bħala mossa “mhux ġenwina” u intiżi biss biex il-Gvern jipprova jgħaddi mit-test tal-Moneyval. U għalhekk, il-Kamra tal-Avukati talbet biex b’mod immedjat issir diskussjoni vera dwar dak li hemm bżonn biex tissaħħaħ il-professjoni.