Lokali

Għarfien dwar it-trobbija tat-tfal għall-ġid tal-familja

Happy Parenting – Malta (for Happier Children) qed torganizza 17-il Jum ta’ aktar għarfien dwar Parental Alienation. Mill-5 ta’ Diċembru bdiet iżżur lokalitajiet fejn fost oħrajn tiltaqa’ ma’ Kunsilli Lokali. Qed tfittex li tintensifika l-ħidma tagħha biex in-nies, inklużi l-professjonisti, isiru aktar konxji tar-realtà ta’ Parental Alienation u l-ħsara li tħalli fuq il-familja kollha.

Parental Alienation hu meta ġenitur jgħawwi lit-tfal kontra l-ġenitur l-ieħor bil-għan malizzuż li jbiegħed lit-tfal minn dak il-ġenitur. F’sitwazzjoni bħal din, kemm it-tfal u anke iż-żewġ ġenituri jgħaddu minn żmien diffiċli ferm tant li kollha jkollhom bżonn l-għajnuna u hi meqjusa bħala forma ta’ vjolenza, bit-tfal ma jkollhomx is-sehem attiv taż-żewġ ġenituri f’ħajjithom.

Happy Parenting – Malta (for Happier Children) diġà ltqagħet mal-awtoritajiet biex twassal punti għal diskussjoni dwar tibdil fil-liġi u fil-proċedura tal-Qorti tal-Familja. Ġew ippreżentati wkoll proposti biex isir taħriġ lill-membri tal-ġudikatura dwar dan il-kunċett li għadu ġdid fl-ambjent Malti. L-istess għal professjonisti oħra konċernati biex eventwalment f’Malta tibda tingħata terapija, bħal re-unfication programme u Activity-based programme li barra minn Malta qed isiru b’suċċess.