Lokali Qorti

Koppja akkużata b’serq fuq raġel permezz ta’ sikkina

Raġel u mara nżammu taħt arrest preventiv wara li ġew mixlija li serqu raġel fil-ħin li ppuntawliu sikkina. Huma kienu mixlija wkoll li weġġgħuh ħafif f’Novembru li għadda.

Costantino Felice ta’ 34 sena minn Ħal Qormi u Dalaia Zammit mill-Belt Valletta tressqu quddiem il-Maġistrat Yana Micallef Stafrace. Zammit ġiet akkużata wkoll li kienet wieqfa f’post għal skopijiet ta’ prostituzzjoni.

Felice ġie akkużat ukoll li ġarr sikkina fil-pubbliku mingħajr liċenzja. It-tnejn kienu akkużati b’serq aggravat, arrest illegali, li kkawżaw feriti ħfief u li saru reċidivi.

Waqt li akkuża lill-koppja fuq serq bl-armi, l-Ispettur Lydon Zammit, flimkien mal-Ispetturi Stephen Gulia u Colin Sheldon spjegaw kif l-akkużat allegatament żamm sikkina m’għonq il-vittma tagħhom u seraqlu l-ġiżirana u l-mowbajl fi Triq Giorgio Mitrovich fil-Gzira fil-5 ta’ Novembru.

Iż-żewġ akkużati wieġbu mhux ħatja tal-akkużi miġjubin kontrihom. L-avukati Ishmael Psaila u Shawn Zammit talbu l-libertà proviżorja għall-akkużat.

Il-Prosekuzzjoni oġġezzjonat għar-rilaxx tagħhom, u indikat in-natura tar-reat u l-fatt li l-ebda akkużat ma seta’ jiġi fdat minħabba r-rekords kriminali twal tagħhom.

Huma ma kellhom l-ebda indirizz fiss, żied l-Ispettur Gulia. Psaila argumenta li r-reat seħħ f’Novembru u l-akkużat ikkoopera mal-Pulizija. Huwa qal li dan jikkontradixxi materjalment kwalunkwe argument li huma jistgħu jbagħbsu l-evidenza. Il-Qorti, iżda, ċaħdet il-libertà proviżorja.