L-Oppożizzjoni mhix taqbel mal-Abbozz ta’ Ligi li jirregola l-professjoni legali li ġie ppublikat din il-ġimgħa mill-Ministru tal-Gustizzja.
Il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Ġustizzja, Jason Azzopardi, fi stqarrija qal li dan l-Abbozz ta’ Liġi jikkonferma kemm dan il-Gvern għadu jrid jaħtaf l-istituzzjonijiet.
Dan hekk kif issa jmiss li l-Gvern jipprova joħnoq il-Kumitat tal-Kamra tal-Avukati bil-konsegwenza li jipprova jaħkem u joħnoq il-professjoni legali billi fost l-oħrajn jaħtar il-maġġoranza tal-membri ta’ dan il-Kumitat u jirrifjuta li jagħtih l-għodda sabiex jiffunzjona kif suppost sabiex isaħħaħ l-istess professjoni legali.
Għall-Oppożizzjoni, l-indipendenza tal-professjoni legali hija ħolqa essenzjali fil-katina demokratika u fit-tessut legali tal-pajjiż. Minghajr professjoni legali indipendenti tassew, mhux fid-deher biss, ma jistax ikollna saltna tad-dritt.
L-Oppożizzjoni ilha lesta u disposta tiltaqa’ mal-Gvern biex isiru diskussjonijiet importanti u ġenwini dwar il-qasam tal-ġustizzja, qal id-deputat Nazzjonalista, iżda s’issa pero’ l-Gvern qatt ma wera rieda tajba fuq din.
“L-Oppożizzjoni mhi se taċċetta qatt li l-Gvern jaħkem, joħnoq u joqtol l-indipendenza tal-professjoni legali billi anki hawn jaddotta kultura ta’ xejn mhu xejn,” temmet tgħid l-istqarrija.
//= $special ?>