Internazzjonali

Libanu: L-Aġent Prim Ministru Diab akkużat b’negliġenza fl-isplużjoni ta’ Bejrut

Ritratt NY Times

Imħallef fil-Libanu, fl-aħħar sigħat, akkuża lill-Aġent Prim Ministru Lebaniż, Hassan Diab u lil tliet eks Ministri Lebaniżi dwar negliġenza ‘relatata’ mal-isplużjoni ta’ Awwissu li għadda li kkaġunat l-imwiet u l-qerda ‘storika’ fil-port ta’ Bejrut u l-madwar.

Is-sorsi ġudizzjarji qalu li l-erba’ imputati jridu, ‘il quddiem, iwieġbu dwar ‘it-twissijiet li kienu ngħataw’ rigward is-sitwazzjoni perikoluża li żviluppat mill-ħażna ta’ kważi 3,000 tunnellata tal-kimika ammonium nitrate ( materjal ta’ potenzjal splussiv) fil-port inkwistjoni.

It-twissijiet kienu ngħataw qabel l-4 ta’ Awwissu, meta kwantità kbira tal- ammonium nitrate fil-port sploda u kkaġuna talanqas 204 mewta u madwar 7,000 midruba. F’din it-traġedja tilfu darhom mat-300,000 residenti ta’ Bejrut, bil-ħsarat sussegwenti jkunu kalkulati viċin l-erba’ biljun ewro.

L-isplużjoni kienet dovuta għal nirien fl-inħawi tal-maħżen fejn kienet qed tinżamm il-kimika, bir-rapporti, wara, jallegaw li ‘dan il-maħżen kien ilu żmien abbandunat u traskurat’ minkejja li kemm-il darba twasslu l-ilmenti lill-awtoritajiet ikkonċernati.

Hassan Diab u l-Kabinett tiegħu kienu rriżenjaw xi jiem wara d-diżastru u fejn Diab waħħal it-traġedja fuq ‘sistema ta’ korruzzjoni li hi akbar mill-Istat innifsu’.