Lokali Qorti

Mara u raġel suspettati li wettqu hold-up arrestati f’Tal-Pietà

Ritratt: Pulizija ta' Malta
Iż-żewġ allegat ħallelin li se jitressqu l-Qorti fil-11.30am kienu anki aggredew raġel ta' 50 sena b'mus

Raġel ta’ 34 sena u mara ta’ 25 sena, suspettati li wettqu hold-up fis-sigħat bikrin tal-15 ta’ Novembru filgħodu fl-Imsida, ġew arrestati l-Erbgħa għall-ħabta tad-9.30am f’Tal-Pietà.

Iż-żewġ persuni ġew identifikati wara investigazzjonijiet intensivi biex fis-sigħat bikrin tal-Erbgħa filgħodu, il-Pulizija tal-Iskwadra tar-Reati Maġġuri bdew isegwu l-passi tagħhom.

Huma kienu fl-istess vettura tat-tip BMW li allegatament wettqu l-hold-up meta ġew iċċirkondati quddiem l-Isptar San Luqa f’Tal-Pietà u arrestati.

Ritratt: Pulizija ta’ Malta

Il-hold-up li allegatament wettqu kien fuq raġel ta’ 50 sena, li fis-1.45am kien daħal fl-Għassa tal-Imsida jirraporta li għadu kemm ġie misruq minn żewġ persuni fi Triq Giorgio Mitrovich, l-Imsida.

Dakinhar jidher li waqt li l-vittma kien qiegħed fil-vettura tiegħu, ġie avviċinat miż-żewġ allegat aggressuri, poġġewlu mus m’għonqu bil-konsegwenza li weġġa’ ħafif, serqulu oġġetti ta’ valur u mowbajl u ħarbu immedjatament minn fuq il-post.

Iż-żewġ persuni se jitressqu l-Qorti llum għall-11.30am quddiem il-Maġistrat tal-Għassa Dr Yana Micallef Stafrace LL.D. mill-Ispetturi Lydon Zammit u Stephen Gulia mill-Iskwadra tar-Reati Maġġuri u mill-Ispettur Colin Sheldon tad-Distrett.

Ritratt: Pulizija ta’ Malta