Għawdex Lokali

Mara u tifel involuti f’inċident f’Għawdex

Mara mill-Marokk u passiġġier ittieħdu l-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex wara li kienu involuti f’inċident tat-traffiku kmieni dalgħodu għall-ħabta tat-8. L-inċident seħħ fit-Triq iż-Żebbuġ Għawdex.

Jidher li f’dan l-inċident il-mara ta’ 36 sena li toqgħod iż-Żebbuġ qed issofri minn ġrieħi gravi. Flimkien magħha fil-karozza kien hemm tifel ta’ ħames snin, iżda fortunatament sofra biss ġrieħi ħfief.

Il-Pulizija tad-Distrett marru mill-ewwel fuq il-post u minn investigazzjonijiet preliminari li saru rriżulta, li għal xi raġuni, il-mara tilfet il-kontroll tal-karozza -Toyota Vitz- li kienet qed issuq u waqgħet f’għalqa, taħt il-livell tat-triq. Membri tal-Protezzjoni Ċivili ssejħu fuq il-post sabiex jassistu filwaqt li l-vittmi ngħataw l-ewwel għajnuna minn tim mediku u ttieħdu b’ambulanza l-isptar.

L-investigazzjonijiet tal-Pulizija tad-Distrett dwar dan il-każ għadhom għaddejjin.

Il-Kunsill Lokali taż-Żebbuġ ilu għal diversi drabi jiġbed l-attenzjoni sabiex tiġi rranġata din il-parti tat-triq b’mod partikolari l-apramorta tat-triq li tinsab fi stat perikoluż.