Sport Waterpolo

Maslovar jirritorna f’pajjiżna bħala kowċ ta’ Valletta United

(Ritratt: Valletta United WPC)

Valletta United ħabbru uffiċjalment il-ħatra ta’ Zoran Maslovar bħala kowċ għas-sentejn li ġejjin b’għażla għal sena oħra. Il-Montenegrin għandu esperjenza vasta fix-xena internazzjonali tal-waterpolo b’esperjenzi fiċ-Ċina, il-Każakistan, ir-Russja, is-Serbja u Spanja.

Dan se jkun ritorn għal Maslovar f’pajjiżna hekk kif fl-2016 u fl-2017 kien mexxa lil Neptunes, bit-tim tal-Balluta jirbaħ il-Kampjonat tas-Sajf fl-2016 taħt it-tmexxija tiegħu. Hu kien tneħħa mill-kariga ftit qabel intemm l-istaġun tal-2017.

Din l-aħbar tfisser ukoll li Maslovar se jerġa’ jaħdem ma’ Niki Lanzon u Miguel Zammit wara l-esperjenza ma’ Neptunes, b’Valletta se jkunu qed jimmiraw li jirritornaw fil-Kampjonat Premier. Dan l-għan ma ntlaħaqx mill-Beltin f’din is-sena u kellhom jikkuntentaw bir-rebħ tal-kampjonat u n-knock-out tal-Ewwel Diviżjoni. Maslovar se jieħu post Srdjan Lazarevic li mexxa lit-tim din is-sena.