Ftit jiem wara l-mewt ta’ Diego Armando Maradona, matul il-lejl li għadda tħabbret il-mewt tal-leġġenda tal-futbol Taljan Paolo Rossi fl-età ta’ 64 sena wara li kien marid b’marda terminali. L-aħbar tħabbret fuq il-mezzi soċjali tal-Viċi Direttur ta’ RaiSport Enrico Varriale fejn ftit wara kienet ikkonfermata mill-mara tiegħu Federica Cappelletti.

Rossi jibqa’ mfakkar għall-prestazzjonijiet mill-aqwa tiegħu fit-Tazza tad-Dinja tal-1982 fejn kien temm bħala l-aqwa skorer f’dik l-edizzjoni u l-Italja rebbieħa tat-tielet Tazza tad-Dinja.

Paolo Rossi twieled fid-9 ta’ Settembru tal-1956 fi Prato l-Italja. Hu għamel l-ewwel passi tiegħu fil-futbol ma’ Santa Lucia, klabb fir-reġjun ta’ Toscana qabel ma’ fl-1972 issieħeb ma’ Juventus fejn għamel id-debutt tiegħu f’partita tal-Coppa Italia fl-1973. Il-perjodu tiegħu ma’ Juventus kien iddominat minn bosta injuries fejn wara li kien operat tliet darbiet f’irkopptejh issieħeb ma’ Como fejn għamel id-debutt tiegħu fis-Serie A.
Il-karriera tiegħu ħadet żvolta meta Lanerossi Vicenza ħaduh b’self fejn hemmhekk beda jilgħab bħala attakkant fejn fi tliet staġun skorja 60 gowl f’94 partita fejn fl-istess perjodu ssejjaħ mill-kowċ nazzjonali Taljan Enzo Bearzot sabiex jifforma parti mill-iskwadra tal-Italja għat-Tazza tad-Dinja tal-1978.

Fl-1979/80 ingħaqad ma’ Perugia fejn fi 28 partita skorja 13 –il gowl fejn fl-istess staġun kien ħareġ l-iskandlu ta’ każijiet ta’ mħatri lleglai fil-futbol Taljan magħruf bħala ‘Totonero’, bl-istess Rossi jkun sospiż għal sentejn fejn kien tilef il-Kampjonati Ewropej tal-1980.

Minkejja li kien għadu sospiż, Rossi kien ingħaqad għat-tieni darba ma’ Juventus fl-1981 fejn kien kiseb post regolari fit-tim lejn tmiem l-istaġun biex kiseb post fl-iskwadra tal-Italja għat-Tazza tad-Dinja tal-1982 fejn temm bħala l-aqwa skorer u għen lill-Italja tirbaħ it-tielet Tazza tad-Dinja.

Wara din it-Tazza tad-Dinja Rossi kompla jilgħab ma’ Juventus fejn fl-istaġun tal-1985 issieħeb ma’ Milan fejn temm il-karriera tiegħu ma’ Hellas Verona fl-istaġun 1986/87.
Matul il-karriera tiegħu, Rossi rebaħ l-unuri kollha possibli fejn rebaħ it-Tazza tad-Dinja, ċ-Champions League, darbtejn is-Serie A, l-Coppa Italia u s-Super Cup apparti l-unuri li rebaħ dartejn l-aqwa skorer tas-Serie A u s-Serie B, il-Ballun tal-Fidda fit-Tazza tad-Dinja tal-1978 u ż-Żarbun tad-Deheb u l-Ballun tad-Deheb fl-edizzjoni tat-Tazza tad-Dinja tal-1982.
Il-funeral ta’ Rossi se jsir għada f’Vicenza b’bosta juru s-sobgħa għall-mewt tiegħu fosthom il-Prim Ministru Taljan Giuseppe Conte fejn iddeskriva lil Rossi bħala simbolu tal-futbol Taljan