Lokali

Silvio Schembri jibqa’ jiddefendi lil Joseph Muscat

Il-Ministru Silvio Schembri għażel li ma jikkummentax jekk għalih Daphne Caruana Galizia kinitx irrelevanti bħalma sejħilha l-eks Prim Ministru Joseph Muscat.

Mistoqsi minn dan l-istazzjon għal darba, darbtejn, Silvio Schembri baqa’ jdawwar id-diskors u jevita l-mistoqsija li għamilnilu. Għalkemm xorta… iddefenda lil Joseph Muscat.

L-aktar stqarrija iebsa ta’ Muscat li ħarġet waqt ix-xhieda tiegħu fl-Inkjesta Pubblika dwar l-assassinju ta’ Caruana Galizia kienet meta sejjaħ lill-ġurnalista maqtula bħala “irrilevanti”. Joseph Muscat qal li Daphne Caruana Galizia nqatlet meta saret irrilevanti għal kulħadd.

Silvio Schembri ħarab milli jwieġeb ukoll dwar jekk hux se jaċetta l-konklużjonijiet li se joħorġu mat-tmien ta’ din l-inkjesta pubblika.

Meta kien fuq il-pedana tax-xhieda Joseph Muscat qal li l-Inkjesta Pubblika mhux qed timxi skont it-termini ta’ referenza li talabha hu stess. Saħaq li din l-inkjesta…dejjem skont hu…. qed tfalli, għax kellha tiffoka fuq l-Istat u mhux fuq il-Gvern preżenti.