Internazzjonali

Stati Uniti: Lejn l-esekuzzjonijiet ta’ ħabsin ‘fl-aħħar jiem ta’ Trump’

 

L-amministrazzjoni tal-President Amerikan Donald Trump qed tħaffef il-proċeduri li jippermettu għall-esekuzzjonijiet ta’ priġunieri fuq Death Row u li se jingħataw il-piena massima fuq mandat federali.

It-Tmexxija ta’ Trump għandha tispiċċa uffiċjalment fl-20 ta’ Jannar wara li hu tilef l-elezzjoni ta’ Novembru għall-Presidenza ta’ pajjiżu – u meta l-kandidat tal-Partit Demokratiku Joe Biden, dakinar, għandu jieħu l-ġurament bħala s-46 President ta-Istati Uniti.

Intant, hemm ipprogrammati xejn anqas minn ħames esekuzzjonijiet ta’ priġunieri qabel l-inawgurazzjoni ta’ Biden – u dan fih innifsu imur kontra l-preċedent (effettiv għal 130 sena) fejn l-esekuzzjonijiet kienu jinżammu waqt il-perjodu tat-tranżizzjoni bejn President Amerikan u ieħor.

Jekk il-ħames esekuzzjonijiet isiru tassew, Donald Trump isir il-President Amerikan bl-akbar ammont ta’ esekuzzjonijiet legali taħt it-tmexxija tiegħu minn kwalunkwe President ieħor f’aktar minn seklu. Dan meta – minn Lulju sallum – inqatlu legalment 13-il priġunier fuq Death Row fl-Istati Uniti.

Intant, l-esekuzzjonijiet tal-priġunieri mistennija jibdew minn din il-ġimgħa – bl-ewwel żewġ priġunieri għandhom jingħataw il-mewt fil-ħabs ta’ Terre Haute, fl-Istat ta’ Indiana.

L-Avukat Ġenerali William Barr qal li d-Dipartiment tal-Ġustizzja tiegħu, f’dan il-każ, qed ikun konformi mal-liġi eżistenti. Madankollu, il-kritiċi u l-attivisti favur id-drittijiet umani huma inkwetati dwar ‘l-għaġġla biex isiru l-esekuzzjonijiet’, meta jonqos ftit aktar minn xahar sakemm Joe Biden jieħu l-Presidenza. Dan meta Biden qal li se jieħu passi biex iwarrab il-piena tal-mewt fl-Istati Uniti.