L-Unjoni Ewropea pubblikat il-pjani ta’ kontinġenza f’każ li jikkrollaw għal kollox it-taħditiet attwali mar-Renju Unit lejn konklużjoni ta’ ftehim kummerċjali, ladarba jintemm iż-żmien ta’ tranżizzjoni wara Brexit.
Il-pjan qed jaħseb fost oħrajn biex jaċċerta ‘l-ivvjaġġar mingħajr xkiel (bl-ajru u mill-art)’ bejn ir-Renju Unit u l-pajjiżi tal-Unjoni – b’aspett importanti ieħor jinvolvi l-possibbiltà li l-Britanniċi u l-Ewropej jingħataw aċċess għall-ibħra ta’ xulxin fl-interessi tas-sajd.
L-aħħar żviluppi segwew l-aħħar fażi ta’ taħditiet diretti bejn il-Prim Ministru Britanniku Boris Johnson u l-President tal-Kummissjoni Ewropea Ursula von der Leyen. It-taħditiet kienu intiżi biex iħollu l-istaġnar fin-negozjati iżda kellhom jintemmu mingħajr ftehim jew żblokk notevoli.
Ir-Renju Unit mhux se jibqa’ irregolat mil-liġijiet kummerċjali tal-UE min wara l-31 ta’ Diċembru u ladarba jiskadi ‘it-transition period’ ta’ ħdax-il xahar. Sadanittant, il-kelliema għall-Gvern f’Londra qalu li qed jippreparaw għal kwalunkwe eventwalità u li r-Renju Unit diġà għandu pjani alternattivi f’każ li ma jintlaħaqx ftehim kummerċjali ma’ Brussell.
Il-Kummissjoni Ewropea, fi stqarrija, ammettiet li hemm ‘inċertezza sinifikanti’ dwar jekk ftehim kummerċjali reċiproku hux se jkun f’postu sal-1 ta’ Jannar. Dan waqt li Ursula von der Leyen qalet li ‘l-Unjoni għandha r-responsabbiltà li tlesti għal kull possibbiltà, fosthom xenarju ta’ ‘no deal’ mar-Renju Unit.
Fl-istess ħin, il-Kummissjoni qed tipproponi erba’ miżuri ta’ kontinġenza ‘bil-għan li tnaqqas mill-impatt negattiv ta’ sitwazzjoni fejn ma jintlaħaqx ftehim ma’ Londra.’
Il-pjani ta’ kontinġenza jesiġu l-proviżjoni ta’ ‘ċerti servizzi tal-ajru’ bejn ir-Renju Unit u l-UE dment li l-Britanniċi jimpenjaw ruħhom bl-istes mod.
Pjan ieħor jinvolvi permess għall-użu ta’ ċertifikati ta’ sigurtà fis-settur tal-avvjazzjoni għall-ajruplani tal-Unjoni Ewropea. Dan biex ma jseħħux l-intoppi għall-iskeda jew sitwazzjonijiet fejn l-ajruplani ma jkunux jistgħu joperaw is-servizzi tal-ajru bħas-soltu.
It-tielet pjan għandu jaċċerta ‘element ta’ konnettività’ għat-trasport tal-passiġġieri u merkanzija mill-art fuq perjodu ta’ sitt xhur – u bil-patt li r-Renju Unit jimpenja ruħu bl-istess mod.
Ir-raba’ pjan qed jaħseb fil-possibbiltà li d-dgħajjes tar-Renju Unit u tal-UE jistadu fl-ibħra ta’ xulxin għal sena – jew sakemm jintlaħaq ftehim.
Il-Gvern Britanniku qal li se jevalwa mill-qrib id-dettalji ta’ dawn il-pjani ta’ kontinġenza iżda fl-istess ħin għamilha ċara li ‘mhu se jaqbel dwar xejn li ma jirrispettax is-sovranità tar-Renju Unit’.
Intant. il-Mexxejja tal-Istati membri tal-Unjoni Ewropea, bħalissa, qegħdin jiltaqgħu waqt summit ta’ jumejn fi Brussell u fejn, fil-parti kbira, qed jikkonċentraw fuq il-kampanji għat-trażżin tal-coronavirus kif ukoll fuq pjan b’miri speċifiċi għat-tnaqqis tal-emissjoni ta’ gassijiet fl-atmosfera.
//= $special ?>