Il-kumpanija AstraZeneca qalet li se tibda tirrekluta n-nies ta’ 18-il sena u aktar għall-provi li jikkombinaw l-aqwa elementi tal-vaċċin tagħha ( prodott bil-kollaborazzjoni mal-Università ta’ Oxford) mal-vaċċin Sputnik V tar-Russja li qed ikun prodott mill-faċilità tar-riċerka tal-Istitut ta’ Gamaleya, f’Moska.
L-iskop wara dan l-impenn hu biex ir-reżistenza tal-ġisem għal kontra l-mard jingħata stimolu flimkien ma protezzjoni kontra l-effetti tal-Covid-19.
Il-kelliema għal AstraZeneca qalu li l-provi għandhom isiru fir-Russja, għalkemm mhux ċar meta dawn se jibdew inkella kemm se jinvolvu nies. Dan meta l-kollaborazzjoni xjentifika mal-Istitut ta’ Gamaleya hu mfisser bħala importanti għall-analiżi ‘tat-taħlit tal-vaċċini’ u l-potenzjal tal-impenn lejn aktar aċċessibbilità u riżultati tajbin kontra l-virus.
Fi żviluppi oħra, l-esperti mediċi fl-Istati Uniti rakkmandaw l-approvazzjoni ta’ emerġenza għall-vaċċin ta’ Pfizer/BioNTech — b’dan il-pajjiż, issa, isegwi l-passi tar-Renju Unit u l-Kanada li approvaw il-vaċċin partikulari xi jiem ilu.
Madankollu, kellu jitwarrab vaċċin li kien qed ikun prodott fl-Awstralja wara li xi nies li ħadu sehem fil-provi ħarġulhom riżultati pożittivi tal-HIV li ma kellhom l-ebda bażi fir-realtà.
Intant, il-Gvern tal-Greċja ħabbar li se jonqos iż-żmien impost għall-kwarantina f’din il-kriżi tal-Covid-19, bil-knejjes se jerġgħu jinfetħu bħala parti mir-regoli li qed isiru effettivi fil-pajjiż għal żmien il-Milied.
//= $special ?>