Coronavirus Lokali Saħħa

COVID-19: Żewġ vittmi oħra fl-aħħar 24 siegħa

Din il-ġimgħa kellna 17-il vittma

Telgħu għal 166 il-vittmi tal-Coronavirus f’pajjiżna. Dan hekk kif fl-aħħar 24 siegħa kienu konfermati żewġ imwiet oħra.

Il-vittmi kienu raġel ta’ 75 sena li miet ilbieraħ f’San Vincenz, u anzjan ta’ 96 sena li miet f’Mater Dei.

Bejn ilbieraħ u llum kellna wkoll 96 każ ġdid. Dan reġa’ żied in-numru ta’ każi attivi. F’din l-40 ġimgħa tal-pandemija kellna b’kollox 660 każ ġdid – li hu fl-istess livell tal-każi li kien qed ikollna 6 ġimgħat ilu. Għalkemm l-iswab tests bejn ilbieraħ u llum reġgħu niżlu taħt it-3,000.

Meta indirizzat il-media, il-Professur Charmaine Gauci qalet li bħalissa hemm 17-il persuna għadhom rikoverati fl-ITU.

Il-Professur Gauci appellat biex fil-Milied nipproteġu lil dawk li jiġu minna. “Irridu nieħdu ħsieb. Jekk se jkollna nies li se jillaxkaw, jaf ikun hemm influss kbir ta’ każi u mard fl-ewwel ġimgħa ta’ Jannar”, bil-Professur Gauci twissi li dan jaf iwassal għal aktar fatalitajiet.