Lokali Qorti

Darren Debono mhux ħati li wettaq reat abbord bastiment sitt snin ilu

Darren Debono li bħalissa jinsab fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin fejn qed jistenna li jibda għaddej kumpilazzjoni dwar ħasil ta’ flus dwar fjuwil ġie illiberat fuq nuqqas ta’ provi minn akkużi li assoċja ruħu ma’ ħaddieħor biex iwettaq reat abbord il-bastiment Marie de Lourdes.

Debono kien tressaq il-Qorti fuq dan il-każ sitt snin ilu. L-ex player tal-football tat-tim nazzjonali Malti, li dak iż-żmien kien sid ta’ ħanut tal-ħut f’San Ġwann kien tressaq il-Qorti flimkien ma’ sajjied minn Marsaxlokk li llum għand 40 sena.

Debono ma nstabx li naqas milli jinnotifika lill-awtoritajiet, meta kien se jirritorna fil-port u li fid-dgħajsa kellu l-pixxispad u tonn għall-bejgħ. Mill-provi rriżulta li Debono rċieva telefonata mingħand il-kaptan qabel il-bastiment daħal fil-port.

Dan ifisser, li l-unika prova li teżisti dwar xi ftehim li ntlaħaq bejn Debono u l-kaptan rigward il-qabdiet illegali tat-tonn u pixxispad, tikkonsisti f’telefonata li saret wara li kienu diġa saru l-qabdiet illegali.

F’din it-telefonata Debono staqsa x’ħut kien inqabad u l-kaptan wieġbu li nqabad pixxispad u tonn: ma sar ebda diskors dwar in-notifika li kellha ssir lill-awtoritajiet tal-port dwar id-dħul tal-basitment fil-port u lanqas dwar il-ħatt ta’ ħut li nqabad illegalment.

Ma jirriżultax lanqas, li Debono ta xi ordni lill-Kaptan tal-bastiment, dwar dak li kellu jsir mill-qabda tal-ħut fuq il-bastiment u ma jirriżultax lanqas li Debono kien infurmat dwar il-kwantitajiet ta’ pixxispad li nqabad u li kien ser jiġi dikjarat, jew dwar il-kwantita ta’ tonn li nqabad.

Il-ħut kollu, li nstab fuq i-lbastiment waqt l-ispezzjoni li saret fil-11 ta’ Gunju 2014, ġie konfiskat mid-Direttur tas-Sajd u sussegwentement mibjugh bl-irkant fil-Pixkerija ta’ Malta bejn it-12 ta’ Gunju 2014 u t-13 ta’ Ġunju 2014 għall-prezz ta’ €13,215.23.

Jirriżulta illi l-qabda ta’ blue fin tuna li nstabet fuq il-bastiment kienet tikkonsisti f’24 ħuta ta’ piż komplessiv ta’ 2,205 kilogramm, filwaqt li jirriżulta illi l-Kaptan ma ddikjara ebda qabda ta’ tonn.

Jirriżulta wkoll illi li l-bastiment in kwistjoni lanqas kien liċenzjat biex jistad għat-tonn u minhabba l-kwantita` tal-qabda, huwa eskluż illi din setgħet kienet xi qabda inċidentali.

L-istess spezzjoni turi wkoll illi l-qabda ta’ pixxispad kienet tikkonsisti f’45 huta ta’ piz komplessiv ta’ 631 kilogramm; madanakollu, il-qabda li ġet dikjarata kienet ta’ 30 pixxispad ta’ piż totali ta’ 466 kilogramm.

Il-Maġistrat Rachel Montebello qalet li ġie stabbilit li l-provi fl-atti kontra Debono jikkonsistu biss fl-istqarrija tieghu li qed tigi skartata, u fix-xhieda u dikjarazzjonijiet mistqarra mill-kaptan tal-bastiment, ma tistax titqies bħala x-xhieda ta’ kompliċi u tittieħed bħala prova kontra l-imputat.

L-eks-plejer ta’ Valletta, li magħhom rebaħ diversi kampjonati u unuri oħra, Darren Debono, ta’ 46 sena, ma nstabx ħati li assista lis-sajjied Xlukkjar biex iħott il-pixxispad mingħajr permess.

Lejn tmiem is-seduta ta’ meta tressaq il-Qorti fl-20 ta’ Ġunju tal-2014, l-Avukat Giannella de Marco, li sal-lum għadha l-Avukat ta’ Debono, li lagħab 40 darba mat-tim nazzjonali Malti, kienet infurmat lill-Qorti li l-klijent tagħha kien se jsiefer il-Libja fuq xogħol.

L-Avukat de Marco kienet għamlet talba għall-ħelsien mill-arrest tiegħu fejn kienet qalet li Darren Debono joqgħod u għandu x-xogħol Malta, u għaldqstant ma hemm ebda biża’ li se jaħrab minn dawn il-gżejjer. Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Jurgen Vella.