Lokali

Ikompli t-tiġdid fil-Partit Nazzjonalista b’żewġ karigi ġodda

L-eżekuttiv tal-Partit Nazzjonalista approva lil Martina Caruana u Ivan J. Bartolo bħala President Riċerka Politika u President tad-Djalogu Soċjali rispettivament.

Dan wara li t-tnejn li huma ssottomettew in-nominazzjoni tagħhom għal dawn il-karigi ġodda, maħluqa wara li l-Kunsill Ġenerali wettaq bidliet fl-istatut f’Ġunju li għadda, u ma kienux ikkontestati. Martina Caruana u Ivan J Bartolo issa huma parti mit-tim ta’ tmexxija tal-Partit Nazzjonalista.

Martina Caruana, fil-kariga  tagħha bħala President tar-Riċerka Politika, se tkun qegħda ssegwi dawk l-inizjattivi neċessarji biex il-partit ikollu strateġija politika aġġornata, rilevanti u effettiva li taħseb għal qafas tas-sustanza politika li tkompli ssaħħaħ il-ġid komuni f’pajjiżna u biex il-partit isaħħaħ l-għodda tar-riċerka, tal-analiżi, tat-taħriġ u tal-formazzjoni politika tiegħu.

Martina Caruana iggrawdat bħala avukat mill-Universita’ ta’ Malta u kompliet bl-istudji tagħha fl-Universita’ ta’ Cambridge. Martina hi r-rebbieħa ta’ diversi premji prestiġġjużi fosthom il-Global Goals Award tan-Nazzjonijiet Uniti u l-Queen’s Young Leader medal li tingħata mir-Reġina Eliżabetta II u ħadmet f’uħud mill-ikbar proġetti fl-Ewropa u fuq livell internazzjonali, li jinkludu l-inizjattiva #IAmRemarkable b’kollaborazzjoni ma’ Google Inc., is-serje tal-Qorti Internazzjonali Kriminali ‘Crimes on Trial’. Martina attiva fl-oqsma tal-liġi kriminali internazzjonali, id-drittijiet tal-bniedem u l-liberta’ tal-istampa.

Fil-kariga  tiegħu bħala President Djalogu Soċjali Ivan J. Bartolo se jkun qiegħed fost l-oħrajn jippromwovi kultura politika li tħaddan u tħaddem l-għodda tad-djalogu fir-rispett tad-diversità bħala approċċ għas-soluzzjoni tal-problemi fis-soċjetà u twettaq ħidma, fuq livell nazzjonali u lokali, ta’ kuntatt u kollaborazzjoni ma’ organizzazzjonijiet oħra politiċi, kulturali, soċjali, unions, korpi kostitwiti, mal-għaqdiet volontarji u mas-soċjetà ċivili, bl-iskop li l-partit jissieħeb fi djalogu regolari fl-aqwa interess nazzjonali u tal-ġid komuni.

Bartolo kien ikkontesta l-elezzjoni ġenerali fl-2017 u kien elett bħala Membri Parlamentari tal-Partit Nazzjonalista f’Marzu 2020 permezz ta’ by-election. Aktar kmieni din is-sena irriżenja minn membru parlamentari sabiex iċedi s-siġġu tiegħu lill-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech. Ivan beda kumpanija speċjaliżżata fit-teknoloġija u l-informatika bl-isem ta’ 6PM fl-2001 u wassalha minn suċċess għall-ieħor sakemm inxtrat minn kumpanija Ingliża fl-2017. Fl-2015, Ivan ingħata Honoris Causa mill-Universita’ ta’ Middlesex għall-kontribuzzjoni tiegħu fil-qasam tal-IT.