Lokali Qorti

Il-ħlas li Easygas kellha tagħti lil Liquigas imnaqqas b’€140,000 imma trid trodd lura ċ-ċilindri


Il-Qorti tal-Appell naqqset il-ħlas li kien ordnat mill-Qorti fil-konfront ta’ Easygas lil Liquigas b’aktar minn €140,000. Madankollu trid trodd iċ-ċilindri lura.

Easygas kienet instabet ħatja li ħadet, żammet u użat ċilindri tal-gass tal-Liquigas, f’każ kien ġie ppreżentat minn Liquigas f’Marzu 2011. Madankollu l-Ewwel Qorti ma kinitx ordnat li ċ-ċilindri jingħataw lura lil Liquigas. Il-Qorti għalhekk naqset is-somma li trid titħallas lill-kompetitur ta’ Easygas.

F’Ottubru tal-2015 il-Prim Awla tal-Qorti Ċivili kienet ordnat lil Easygas biex tieqaf milli tiġbor ċilindri tal-gass ta’ Liquigas mingħajr il-kunsens tagħha, u ikkundannataha tħallas €578,715 bħala danni li Liquigas.

Sar Appell miż-żewġ partijiet li nstema’ mill-Imħallfin Giannino Caruana Demajo, Tonio Mallia u Anthony Ellul li minkejja li qablu mas-sentenza mogħtija imma ma qablux mal-parti li jirrigwadja l-ħlas u min ikollu l-pusses taċ-ċilindri.

Għaldaqstant hija naqqset is-somma b’€141,450 biex issa l-ħlas minn naħa tagħhom irid ikun ta’ €436,965 filwaqt li kkonfermat fil-bqija s-sentenza mill-Ewwel Qorti.

Fis-sentenza tagħha l-Qorti tal-Appell qalet li d-deċiżjoni tal-ewwel Qorti dwar il-kwantum tad-danni kienet kondizzjonata bid-deċiżjoni li tiċħad it-talba għar-radd taċ-ċilindri. Issa li ddeċiżjoni dwar ir-radd taċ-ċilindri sejra tinbidel, dan inevitabilment irid ikollu effett ukoll fuq il-kwantum tad-danni.

Id-danni likwidati mill-ewwel Qorti kienu jgħidu li kien hemm bżonn ta’ €101,250 biex inxtraw ċilindri ġodda flok dawk li ma ntraddux, €50,625 “financial costs for anticipated purchases of cylinders”; €21,840 spejjeż biex inġabu lura ċilindri minn Napli fejn kienet bagħtithom Easygas biex jinżebgħu bil-kuluri tagħha u €405,000 għaċ-ċilindri li ġew moħbija, mibruxa u miżbugħa mill-ġdid u li ma jistgħux jintużaw għax tneħħielhom is-serial number.

Dan ifisser €578,715 b’kollox. L-ewwel lok huwa li biex inxtraw ċilindri ġodda flok dawk illi ma nżammu minn Easygas u ma ntraddux. Issa li ċ-ċilindri sejrin jintraddu,

Liquigas tkun qiegħda tistagħna bla mistħoqq jekk tieħu lura ċ-ċilindri mingħand Easygas u titħallas mingħandha wkoll għal dawk ġodda li xtrat.
Tassew illi, li kieku ma naqsuhiex iċ-ċilindri għax Easygas kienet qiegħda żżommhom, Liquigas ma kien ikollha tagħmel dik in-nefqa biex tixtri l-ġodda.

Madankollu xorta huwa inevitabbli li minn żmien għal żmien ikolhom jinxtraw ċilindri ġodda flok dawk li ssirilhom ħsara bl-użu u wkoll flok dawk li l-konsumaturi, għal raġuni jew oħra, iżommuhom u ma jrodduhomx.

Għalhekk ma jkunx xieraq li Liquigas tieħu l-benefiċċju doppju li tieħu lura ċ-ċilindri li kienet żammet Easygas u żżomm ukoll dawk ġodda li tkun imġiegħla tħallas għalihom Easygas.

L-iżjed li jkun xieraq li tingħata Liquigas għal dan kollu tkun somma li tiġi likwidata biex tpatti talli n-nefqa għal ċilindri ġodda kellha tagħmilha qabel ma kien ikollha tagħmilha fil-kors normali tan-negozju.

Liquigas topera fil-qasam taI-bejgħ ta’ liquid petroleum gas “LPG” li jinbigħ lill-konsumaturi f’ċilindri proprjetà tagħha billi kisbithom mingħand il-Korporazzjoni Enemalta.

Liquigas tgħid illi, għalkemm il-konsumatur meta jixtri l-gass fiċ-ċilindru jħallasha depożitu għaċ-ċilindru, iċ-ċilindru jibqa proprjetà tagħha ukoll meta jkun għadu għand il-konsumatur. Dan iġib illi Liquigas iġġorr ir-responsabilità għaċ-ċilindru.

Liquigas kieneti lmentat li Easygas ħadet f’idejha numru kbir ta’ ċilindri tal-gass li kienu tagħha. Xi wħud kienu ġew esportati u saru sforzi biex jitħassru l-marki distintivi tagħhom.

Kienet qalet li s-sitwazzjoni kkawżat nuqqas ta’ ċilindri tal-gass u tista’ tinżamm responsabbli għal ċilindri tal-gass li ma baqgħux taħt il-kontroll tagħha.

Easygas kienet argumentat li partijiet terzi ma kellhom l-ebda obbligu li jirritornaw iċ-ċilindri tal-gass lil Liquigas. Qalet li t-talbiet ta’ responsabbiltà f’każ ta’ inċident kienu ipotetiċi.

L-Ewwel Qorti kienet laqgħet it-talbiet ta’ Liquigas u ordnat lil Easygas biex tieqaf tiġbor iċ-ċilindri tal-gass Liquigas iżda qalet li fid-dawl ta’ diffikultajiet prattiċi, ma kinitx qed tordna r-ritorn taċ-ċilindri lil Liquigas. Minflok kienet ordnat lil Easygas tħallas lil Liquigas €578,715 f’danni.