Kultura Lokali

Il-kultura trid titqies bħala wieħed mill-aspetti fundamentali tal-iżvilupp sostenibbli – Bernard Grech

“Ċertament li qatt ma nistgħu nabbandunaw dan il-qasam li jifforma parti mill-kultura Maltija. Żmien aħjar jinsab fil-viċin u jeħtieġ li nkunu ppreparati biex nattiraw dan l-investiment lejn pajjiżna.” Hekk qal il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech f’laqgħa li kellu llum mal-Malta Entertainment, Industry & Arts Association.

Fil-viżjoni tal-Partit Nazzjonalista li nissaħħu flimkien, jeħtieġ li pajjiżna jifhem l-importanza tas-settur tal-kultura u mhux iwarrabha fil-ġenb waqt il-pandemija tal-COVID-19 bħalma warrab l-oqsma tal-edukazzjoni, tat-turiżmu u tal-anzjani. Dan il-Gvern li nesa totalment is-settur tal-kreattivita’, mużika, teatru, performers u produtturi tant li fil-baġit li għadda ma ħabbar l-ebda miżura iżda kliem fieragħ biss.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li l-kultura wkoll trid tkun fiċ-ċentru tal-politika li nipprattikaw u importanti għall-benesseri ta’ kull wieħed u waħda minna. “Għalhekk il-kultura trid titqies bħala wieħed mill-aspetti fundamentali tal-iżvilupp sostenibbli u tissarraf fi kwalita’ ta’ ħajja aħjar,” qal Bernard Grech.

Id-delegazzjoni tal-Malta Entertainment, Industry & Arts Association kienet immexxija mill-President Howard Keith Debono u l-Viċi President Toni Attard.