Il-Ministru Roderick Galdes qed iqarraq meta fil-Parlament ipprova jagħti x’jifhem li l-lista ta’ stennija għall-akkomodazzjoni soċjali hi l-inqas li qatt kienet fl-aħħar 20 sena.
Fi stqarrija, il-Kelliem tal-PN għall-Akkkomodazzjoni u l-Ġlieda kontra l-Faqar Ivan Bartolo qal li ċ-ċifri juru li sa nofs Jannar ta’ din is-sena, in-numru ta’ persuni jistennew akkomodazzjoni soċjali kien iktar min-numru li kienu qed jistennew allokazzjoni f’Marzu tal-2013.
F’Marzu 2013 kien hemm 2,800 jistennew akkomodazzjoni soċjali filwaqt li f’nofs Jannar ta’ din is-sena in-numru kien 2,920. In-numri kienu saħansitra għola fl-aħħar sentejn fejn kienu saħansitra jaqbżu 3,000. Preċiżament 3,113 fl-2019 u 3,291 fl-2018.
L-istqarrija tkompli li lanqas m’hu minnu dak li qal il-Ministru Galdes li dawn in-numri huma l-inqas fl-aħħar 20 sena. Ivan Bartolo qal li ċ-ċifri juru li fl-2009 il-lista ta’ stennija kienet 1,800.
“Tul is-snin il-Partit Nazzjonalista kien innovattiv fil-mod ta’ kif għen biex in-nies isiru sidien ta’ darhom. Ġiet ukoll introdotta il-home ownership scheme u ġiet estiża l-għajnuna għal djar sub-standard. Żgur mhux grazzi għal Joseph Muscat u Robert Abela li 80% tal-popolazzjoni hi s-sid ta’ darha,” tenna Ivan Bartolo fl-istqarrija.
//= $special ?>