Matul nofs il-ġimgħa intlagħbet il-11-il ġurnata tal-Kampjonat Premier, b’Hibernians u Ħamrun Spartans kisbu rebħiet importanti u f’konfronti diretti kontra Gżira United u Sliema Wanderers rispettivament. Preżentament, Hibernians jinsabu l-ewwel fil-Kampjonat, b’punti wieħed biss vantaġġ fuq Ħamrun u Sliema. M’hemmx dubju dan l-istaġun, il-Kampjonat Premier qed jiżvolġi f’wieħed interessanti u li ġimgħa wara l-oħra qed iżid fl-interess fost id-dilettanti tal-futbol lokali.
Illejla, il-Ġimgħa filgħaxija, wieħed mit-tliet programmi ta’ kull ġimgħa mill-familja ta’ Replay fuq Net Television, Replay Preview, se jkun qed jiffoka fuq dak li ġara fil-ħdax-il ġurnata tal-Kampjonat Premier, fil-partiti ta’ nhar it-Tlieta u l-Erbgħa li għadda. Bi presentazzjoni ta’ Christian Micallef u l-parteċipazzjoni ta’ Konrad Sultana, li hu l-mistieden residenti ewlieni tal-programmi Replay, se jkunu qed jiġu annaliżżati l-logħob kollu li kelna f’nofs il-ġimgħa waqt li naraw il-gowls kollha li kienu skorjati.
Fl-istess waqt, Replay Preview tal-lejla se jkun qed jagħti gwida għall-partiti li huma skedati mill-istess Kampjonat, bejn għada s-Sibt u nhar it-Tnejn li ġej, hekk kif se tkun qed tintlagħab it-tnax-il ġurnata tal-Kampjonat Premier. F’Replay Preview tal-lum , li jibda fid-9:30pm fuq Net Television, se jkun hemm ukoll diskussjoni dwar il-polza tal-grupp ta’ Malta, għall-kwalifikazzjoni tat-Tazza tad-Dinja 2022 li se ssir fil-Qatar. Il-produzzjoni ta’ Replay se tkun qed twassal servizz b’differenza u partikolari, fejn fil-qasir se nkunu qed nitkelmu dwar is-saħħa tal-avversarji kollha tagħna f’dan il-grupp, kif ukoll dwar l-istorja tal-partiti preċidenti ta’ Malta kontra l-Kroazja, Slovakkja, Russja, Slovenja u Ċipru.
Replay Preview tal-lejla jixxandar minn studio armat apposta fir-restorant Il-Veduta, fis-Saqqaja u li għandu sfond uniku u mill-isbaħ tal-veduta li wieħed jista’ jammira ta’ kull filgħaxija mill-għolja tas-Saqqaja. Il-programm jibda fid-9:30pm fuq Net Television.
//= $special ?>