Internazzjonali

Is-Summit tal-UE: Probabbiltà akbar ta’ ‘no deal’ mar-Renju Unit

Il-Mexxejja tal-Ewropa, fl-aħħar sigħat, kienu infurmati dwar ‘il-probabbiltà kbira’ li l-UE ma tikkonkludix ftehim kummerċjali mar-Renju Unit sa għada l-Ħadd, li hu ffissat bħala d-dedline għan-negozjati.

Dan ħareġ qabel il-konklużjoni tas-summit ta’ jumejn għall-Mexxejja tal-Unjoni fi Brussell – bil-President tal-Kummissjoni Ewropea, Ursula von der Leyen, tinforma lis-27 Mexxejja preżenti li t-taħditiet dwar Brexit huma ‘diffiċli’.

Intant, naqsu t-tamiet dwar ftehim qabel ir-Renju Unit jinħall mir-regoli kummerċjali tal-UE ladarba jiskadi ż-żmien tat-tranżizzjoni ta’ wara Brexit.

Il-Prim Ministru Britanniku Boris Johnson ukoll semma ‘il-possibbiltà kbira ta’ no-deal mal-Unjoni Ewropea’. Dan wara li ġimgħat ta’ taħditiet intensivi bejn l-uffiċjali tar-Renju Unit u l-UE fallew milli jegħlbu l-ostakli relatati ma’ setturi ewlenin, fosthom id-drittijiet tas-sajd u r-regoli għall-kompetizzjoni ġusta.

Sadanittant, von der Leyen mhix qed tidher ottimista li l-aħħar fażi tan-negozjati kapaċi tirriżulta f’suċċess kontra kull mistenni.

Hi, fl-aħħar sigħat, irreferiet għall-ostakli kbar li fadal u li qegħdin ixekklu ftehim f’sitwazzjoni fejn ir-Renju Unit u Brussell ma jistgħux jaqblu dwar ir-regoli xierqa għall-kompetizzjoni inkella dwar kif ftehim għandu jkun infurzat.

Intopp ieħor notevoli jinvolvi d-diżgwid bejn in-naħat dwar il-kwoti tas-sajd, b’Ursula von der Leyen tikkonferma li l-Unjoni Ewropea u r-Renju Unit għadhom ‘il bogħod min xulxin fir-rigward tal-issues fundamentali.