“Iż-żgħażagħ huma wieħed mill-aktar elementi importanti fis-soċjeta’ tagħna u bħala Partit Nazzjonalista, determinati li nagħtu liż-żgħażagħ spazju ewlieni biex ikunu kontributuri ewlenin fit-tfassil tal- futur ta’ pajjiżna.”
Dan qalu l-Kelliem tal-Oppożizzjoni għaż-Żgħażagħ Robert Cutajar waqt konferenza tal-aħbarijiet fejn ġew imressqa proposti konkreti għall-Politika Nazzjonali taż-Żgħażagħ.
Dan id-dokument li qed jiġi ppreżentat f’isem l-Oppożizzjoni kien possibbli wara li fl-aħħar xhur saru laqgħat ta’ konsultazzjoni ma’ għaqdiet li jirrapreżentaw liż-żgħażagħ f’pajjiżna bl-involviment dirett ukoll tal-Moviment Żgħażagħ Partit Nazzjonalista (MŻPN) u Team Start PN, ż-żewġ fergħat taż-żgħażagħ fi ħdan il-PN.
Robert Cutajar sostna li kif stqarr il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech fir-replika tiegħu għad-diskors tal-baġit, il-PN jemmen bis-serjetà fiż-żgħażagħ u poġġejna dan il-qasam bħala wieħed mill-pilastri ewlenin tal-viżjoni tagħna li se jippermettilna nirriġeneraw il-fibra soċjali ta’ dan il-pajjiż biex ninfetħu għall-ideat, l-innovazzjoni, il-kreattività u l-enerġija li għandhom iż-żgħażagħ. Għall-PN, ż-żgħażagħ mhumiex biss il-futur iżda huma wkoll il-preżent, mhumiex l-ispettaturi iżda l-protagonisti ewlenin, u għalhekk poġġejna ż-żgħażagħ fuq quddiemnett tal-aġenda tagħna. L-Oppożizzjoni impenjata u determinata li bil-fatti, tkompli ttella’ l-qasam taż-żgħażagħ fuq quddiemnett tal-aġenda nazzjonali.
Robert Cutajar qal li s-settur taż-Żgħażagħ, bħal dak sportiv, għandu jiġi elevat għal-livell ta’ Ministeru u mhux jibqa’ fil-livell ta’ Segretarjat Parlamentari. Din hija wegħda ewlenija elettorali li l-Partit Nazzjonalista diġà ddikjara. Huwa tajjeb li nkomplu naħdmu sabiex infasslu u niktbu din il-Politika Nazzjonali taż-Żgħażagħ għas-snin li ġejjin, iżda l-kitba sabiħa waħedha mhix biżżejjed u huwa kruċjali biex il-messaġġ u l-ħsieb wara din l-istrateġija dwar il-Politika Nazzjonali taż-Żgħażagħ jasal u jkun effettiv, il-Ministeri kollha jridu jimpenjaw irwieħhom li jkun hemm l-involviment b’mod sħiħ taż-żgħażagħ fid-deċiżjonijiet meħuda.
Dan l-impenn m’għandux ikun biss tas-Segretarjat Parlamentari responsabbli mill-qasam taż-żgħażagħ iżda għandu jkun impenn ċar mill-Gvern kollu. B’hekk biss nistgħu verament ngħidu li ż-żgħażagħ qed ikunu fiċ-ċentru ta’ kull deċiżjoni meħuda kif tassew għandu jkun.
Għal din il-konferenza tal-aħbarijiet, flimkien mal-Kelliem tal-Oppożizzjoni għaż-Żgħażagħ, l-Isport tul Ħajjitna, l-Volontarjat u l-Ġlieda kontra l-Obeżità Robert Cutajar kien hemm preżenti wkoll il-Viċi President għall-Affarijiet Esterni tal-MŻPN Gabriel Micallef u s-Segretarju Ġenerali ta’ Team Start PN Keaton Agius. Wara din il-konferenza tal-aħbarijiet, l-Kelliem tal-Oppożizzjoni Robert Cutajar flimkien mar-rappreżentanti tal-MŻPN u Team Start PN ppreżenta d-dokument bil-proposti tal-PN għaż-żgħażagħ lil Kap Eżekuttiv ta’ Aġenzija Żgħażagħ, Miriam Teuma.
