Mingħajr dubju t-tender tal-isptarijiet li ngħata lil Vitals kellu jiġi skwalifikat qal l-Awditur Ġenerali Charles Deguara waqt li kien qed jixhed fl-inkjesta pubblika ta’ Daphne Caruana Galizia.
L-Awditur Ġenerali kkonferma li saret referenza fir-rapport li Vitals li dawn messhom ġew skwalifikati. “Madankollu m’għandniex poteri eżekuttivi. Li nistgħu nagħmlu hu li nsemmu fejn sar ħażin.” qal l-Awditur Ġenerali.
Dwar il-ftehim mal-Vitals Deguara qal ukoll li l-Memorandum of Understanding (MoU) kien l-unika wieħed li ġie ffirmat qabel it-tender inħareġ.
Deguara reġa’ ddikjara dan fix-xhieda tiegħu quddiem il-Bord ta’ Inkjesta dwar dak li huwa sab fl-investigazzjoni estensiva li huwa għamel dwar il-ftehim tal-Vitals li ġie rilaxxat f’Lulju ta’ din is-sena.
L-awditjar mill NAO (National Audit Office) fuq il-Vitals sabet li kien hemm kollużjoni bejn il-gvern u l-investituri privati li eventwalment ingħataw il-konċessjoni biex imexxu tliet sptarijiet pubbliċi.
Deguara qal li n-nuqqas ta’ ippjanar speċjalment fi proġetti kapitali kbar bħal ma’ huwa tal-Electrogas jistgħu jiġi evitati. Hawn huwa ġie mistoqsi wkoll dwar l-investigazzjoni li saret fl-2018 dwar il-kuntratt tal-power station tal-Electrogas, li din il-ġimgħa bdiet tiġi diskussa fil-Kumitat tal-Kontijiet Pubbliċi tal-parlament.
Dwar il-proġett tal-Electrogas, huqa qal li saru xi affarijiet tajba iżda – “sar il-ħażin, żgur” huwa tenna. Deguara qal lill-inkjesta pubblika li l-NAO sabet kooperazzjoni minn Segretarji Permanenti meta ġabret id-dokumentazzjoni meħtieġa u f’dawk il-każijiet fejn din kienet nieqsa, l-uffiċċju adotta l-politika ta ’“ name and shame ”.
Huwa qal li problema kostanti li ddgħajjef il-governanza tajba kienet in-nuqqas ta’ minuti xierqa biex jirrekordjaw il-laqgħat. “Ilni f’dan ix-xogħol u ilni ngħidha mill-bidu, ninsab bħal qiesni ħanqa fid-deżert” kompla jgħid ix-xhud.
Tenna li f’ħafna każijiet ma jinżammux minuti suffiċjenti tal-laqgħat … Kieku kont qed niġi verifikat u nissemma fir-rapport tal-awditur bħala li ma tajtx dokument, ma norqodx. Din hija ħaġa serja, qal Deguara lill-bord tal-inkjesta.
“Kemm sibtuha komuni li ċertu proġetti jiġu ppreżentati mill-Gvern mill-privat u l-Gvern jieħu l-proġett onboard?” staqsiet l-Avukat Comodini Cachia lix-xhud.
Qal li qatt ma għamlu analiżi jew rapporti fuq hekk. “Pero dak li qed tirreferi għalih inti hu ħażin li jsir. Li qed ngħid jien kif sippost jimxu l-affarijiet hu l-ideali,”, sostna l-Awditur Ġenerali.
“Aħna jirriżultalna li f’ċertu proġetti ma tantx kienet issir din id-distinzjoni li qed isemmi,” qal il-Prim Imħallef Emeritus Joseph Said Pullicino. “Jien ngħid hemm il-kodiċi ta’ etika li għandhom jiġu segwiti.
“Anke jien għandi dawn fosthom li ma nistax inkun involut fil-politika, imma mbgħad jiġi minni, mill-kuxjenza tal-persuna li timxi magħhom,” , saħaq ix-xhud.
Il-Bord irrefera fuq ir-rapport għall-proġett tal-ITS tad-DB group. Ix-xhud qal li iva sar rapport estensiv dwar dan il-proġett. Hawn l-Avukat Therese Comodini Cachia qalet se tkun qed tippreżenta lill-bord il-konklużjonijiet ta’ dan ir-rapport u ta’ oħrajn li kollha jinsabu online wkoll.
“Jien jinkwetani l-fatt li jiġi hawn Debono tad-DB group u jgħid li applika għat-tender, kien hemm oħrajn li għamlu hekk u f’daqqa waħda dawn irtiraw u baqa’ hu biss” qal l-Imħallef Emeritus Michael Mallia li qed imexxi l-Bord.
“Ma nistax inwiġibkom dwar dan kollu, madankollu saret referenza għal dan fir-rapport dwar l-art tal-ITS,” wieġeb ix-xhud.
L-inkjesta pubblika dwar il-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia hija inkarigata, fost affarijiet oħra, biex tiddetermina jekk l-Istat għamilx dak kollu li seta’ biex il-qtil ma jseħħx.
Caruana Galizia ġiet maqtula f’karozza bomba eżatt barra d-dar tagħha tal-Bidnija fis-16 ta ’Ottubru 2017. George Degiorgio, Alfred Degiorgio u Vince Muscat, ġew akkużati li wettqu l-assassinju, filwaqt li Yorgen Fenech huwa akkużat li mexxa l-qtil.
Melvin Theuma, li aġixxa bħala intermedjarju bejn Fenech u t-tliet qattiela, ingħata maħfra presidenzjali s-sena li għaddiet biex jgħid kollox. L-inkjesta hija mmexxija mill-imħallef irtirat Michael Mallia u tinkludi lill-ex kap imħallef Joseph Said Pullicino u lill-Imħallef Abigail Lofaro.
L-Avukati Therese Comodini Cachia u Jason Azzoopardi qegħdin jidhru għall-familja tal-vittma. L-inkjesta pubblika għandha tkompli nhar it-Tnejn fid-9:30 am. bix-xhieda ta’ Keith Schembri, l-eks Chief of Staff tal-ex Prim Ministru Joseph Muscat.
//= $special ?>