Għawdxi ta’ 42 sena residenti x-Xagħra ġie mmultat €1,200 u l-liċenzja tiegħu sospiża għal xahar wara li nstab ħati mill-Maġistrat Brigitte Sultana li fit-30 ta’ Marzu tas-sena l-oħra fi Triq l-Għarb limiti tal-Għasri għall-ħabta tal-5.10pm ikkaġuna feriti gravi fuq turist Franċiż meta tajru bil-karozza.
Chalie Muscat tajjar liż-żagħżugħ Olgun Ilker fejn huwa nstab ħati li saq b’mod perikoluż u bi traskuraġni iżda ma nstabx ħati li saq b’veloċità eċċessiva.
Jirriżulta li fil-viċinanzi ta’ fejn seħħ l-inċident hemm zebra-crossing li għalkemm it-turist qal li qasam minn fuqha, xhieda li kienu fil-post qalu li ma dan mhux minnu.
Il-Qorti tal-Maġistrati ta’ Għawdex semgħet li Muscat kien qed isuq Toyota Tercel fl-inħawi magħrufa bħala “Wilderness”. Mieghu kellu liż-żewġ uliedu minuri u ommu rekbin fuq wara u l-ħabiba ta’ ommu, li fuqha hija reġistratata l-vettura msemmija. Din kienet riekba fuq quddiem ma’ ġenbu.
Fl-istess triq inzerta li kien hemm grupp ta’ żgħażagħ Franċiżi li kienu għall-btala Għawdex. Dawn niżlu minn fuq ix-xarabank, fuq l-stage li hemm fl-istess triq.
Uħud miż-żghażagħ qasmu għan-naħa l-oħra tat-triq. Wieħed miż-żagħħagħ mar biex jaqsam għal warajhom u fil-ħin u l-mument seħħ l-inċident billi ntlaqat mill-vettura misjuqa minn Muscat.
Muscat ma waqafx sobtu iżda baqa’ jsuq għal ftit imbagħad reġa’ lura u tefa’ mal-ġenb. Kien hemm ukoll xi nies li kienu qed jagħmlu passiġġata fuq in-naha l-oħra tat-triq.
Dawn waqfu u ssejħet l-ambulanza u l-Pulizija. F’din l-istess triq hemm żewġ “pedestrian crossings” u skont ix-xhieda tal-persuni li kienu għaddejjin minn fuq il-post, meta l-Franċiż qasam it-triq ma uża l-ebda wahda minnhom.
Surġent tal-Pulizija qal li jirriżulta minn dak li qalulu n-nies li raw l-inċident li l-ġuvni ntlaqat mill-karozza u tar fl-ajru. Wahda mix-xhieda ta’ l-inċident stqarret li hija rat lill-grupp ta’ żgħażagħ nieżla mix-xarabank.
Rat ukoll lil Franċiż iħares fid-direzzjoni tar-Rabat biex jaqsam. Qalet ukoll li hija rat il-karozza ta’ Muscat ġejja mid-direzzjoni tar-Rabat. Kompliet li l-karozza ma kinitx għaddejja b’veloċita esaġerata u laqtet lill-ġuvni.
Qalet ukoll li l-karozza baqgħet sejra għal ftit u mbagħad irriversjat lura. Is-Surġent tal-Pulizija kellem ukoll lill-grupp ta’ żgħażaħh li ndikawlu sa fejn kien wasal seħibhom meta ntlaqat.
Ma’ l-art indikawlu li kien hemm it-tabella ta’ flixkun ta’ l-ilma u allegaw li l-vettura kienet għaddejja b’veloċita’ ta’ bejn 90 u 100km fis-siegħa. Is-Surġent qal iżda li ma l-art ma kienx hemm sinjal ta’ brejkijiet u li x-xemx kienet nieżla faċċata tas-sewwieq.
Mill-X rays li ttieħdu rriżulta li l-Franċiż kellu ksur fis-seba’ kustilja fuq in-naħa tal-lemin kif ukoll ksur fuq in-naħa t’isfel tax-xewka tad-dahar, li ma kinitx barra minn postha.
Kellu wkoll ksur ta żewġ għadmiet ta’ siequ l-leminija, ksur fit-tibia u fibula, kif ukoll ksur fil-polz. Il-vittma iżda ma kienx fil-periklu li jitlef ħajtu. Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Josef Gauci.
//= $special ?>