Ewropa Unjoni Ewropea

QBIL FIS-SUMMIT EWROPEW: Il-flus tal-UE se jkunu marbutin mar-rispett lejn is-Saltna tad-Dritt

Qbil storiku li minnu se tgawdi Malta direttament b'miljuni kbar f'għajnuna mill-UE

Il-mexxejja tal-Unjoni Ewropea qablu fuq il-pakkett finanzjarju li se jkunu qed jieħdu l-pajjiżi membri għas-seba’ snin li ġejjin, inkluż l-għajnuna kruċjali li se tingħata biex l-istati membri jirkupraw mid-daqqa tal-pandemija.

Waqt is-Summit Ewropew li fetaħ il-Ħamis, kien hemm qbil ukoll li din l-għajnuna finanzjarja tintrabat mar-rispett tas-Saltna tad-Dritt fil-pajjiżi kollha tal-UE – pass sinifikanti li se jfisser li l-UE qed tiddefendi bi sħiħ id-drittijiet taċ-ċittadini Ewropej. Dan il-qbil intlaħaq wara negozjati diffiċli li kien hemm mal-Polonja u l-Ungerija, li kienu l-aktar pajjiżi li bdew jopponu din il-klawsola.

Il-President tal-Kunsill Ewropew Charles Michel spjega li b’dan il-ftehim il-pajjiżi tal-UE jistgħu jibdew jutilizzaw kemm ir-Recovery Fund kif ukoll il-pakkett ta’ għajnuna magħruf bħala ‘Next Generation EU’.

F’dan il-proċess kollu kien kruċjali s-sehem tal-Partit Popolari Ewropew (EPP) illi fl-istituzzjonijiet Ewropej ħadem bi sħiħ biex l-aspett finanzjarju jkun marbut mal-valuri vera li tħaddan l-Unjoni Ewropea. U dan b’rispett sħiħ lejn iċ-ċittadini tal-pajjiżi membri, li m’għandhomx ikunu vittma ta’ gvernijiet li jabbużaw.