Żagħżugħ li llum għandu 26 sena, residenti l-Fgura ngħata sentenza sospiża wara li nstab ħati li fis-sajf ta’ erba’ snin ilu bi traskuraġni tajjar missier ta’ żewġ t’itfal fil-Mellieħa li spiċċa biex tilef ħajtu quddiem waħda minn uliedu li kellha 10 snin.
Il-Qorti minkejja li sabet lil Jonathan Hili ħati qalet ukoll li parti mit-tort huwa tal-vittma u għalhekk is-sentenza li ġiet imposta kienet fil-minimu tagħha. Il-Maġsitrat Astrid May Grima qalet ukoll li Hili diġa ħallas bit-trawma li għadda minnha.
Kien id-9 ta’ Lulju tal-2016 li Andrè Debattista ta’ 40 sena kien għaddej minn Triq il-Marfa, l-Mellieħa, qrib l-Għadira, u kien intlaqat minn karozza misjuqa minn Jonathan Hili li kienet għaddejja fl-istess triq b’karozza Toyota Passo.
Kawża tal-ġrieħi li sofra, l-vittma miet fuq il-post. Debattista, missier ta’ żewġt ibniet kien miexi mat-tifla tiegħu meta seħħ l-inċident. Hija ma kienet sofriet mill-ebda ġrieħi iżda kienet qed isofri minn xokk qawwi.
Il-mara ta’ tal-vittma qalet li l-familja flimkien mal-kuġini ta’ żewġha kienu marru Camping mill-Ġimgħa filgħaxija u l-għada filgħodu kif qamu t-tifla li kienet ma’ missierha riedet tmur it-tiolet peress li l-latrina kienet magħluqa u żewġha ħa lit-tifla n-naħa l-oħra tat-triq. Dan kien għall-ħabta tas-6.30am.
Ix-xhud qalet li wara ftit semgħet ħoss qawwi ħafna u wara ftit sekondi semgħet lit-tifla tgħajjat Daddy, Daddy. Fil-bidu ħasbet li kien ġara xi ħaġa lit-tifla. Wara semgħet ħoss ieħor, bħal ħabta ta’ karozza. Il-kuġin ta’ żewġha qalilha li żgur kien ġara xi ħaġa u mar jiġri.
Sadanittant raġel li jismu Victor kien ġabilha t-tifla u ħallihiex tmur fejn l-inċident, u fil-fatt hi ma rat xejn. Hija qalet li ndunat li kien ġara xi ħaġa, għax kulħadd beda jevitha u ħadd ma taha risposta. Qalet ukoll li żewġha kien jaf l-inħawi sew għax kien iqatta s-sjuf kollha hemm man-nanna iegħu meta kien żgħir għax kellhom caravan.
It-tifla qalet fil-Qorti li kienet miexja ma’ missierha fejn kienu sejrin lura fil-kamp li kien in-naħa l-oħra tat-triq u kien qed iżommilha jdejha u li fuq in-naħa tagħha kien hemm il-ħaxix, meta f’daqqa waħda għaddiet karozza ‘gass down’ eżatt magħha u ma ratx lil missierha aktar ħdejha u ppanikjat. Qalet li missierha kien miexi fuq in-naħa ta’ barra tat-triq.
It-tifla li għaddiet minn trawma qalet ukoll li bdiet tfittex lil missierha u ratu mal-art aktar il-quddiem bid-demm ħdejn rasu. Hi ma weġġgħetx għax il-karozza kemm kemm messitha u kellha biss girfa. Qalet li ma semgħet l-ebda brejk u li eżatt wara l-inċident mar raġel jgħinha biex taqsam it-triq u tmur fejn ommha.
Wara l-ħabta, l-karozza waqfet ftit metri bogħod, bil-konsegwenza li karozza oħra baqgħet dieħla ġol karozza Toyota. F’din il-kolliżjoni sekondarja, vettura oħra tat-tip Subaru J10 misjuqa minn raġel ta’ 39 sena residenti x-Xewkija, Għawdex baqgħet dieħla fit-Toyota.
Il-Mellieħi li ntlaqat, mal-impatt sofra ġrieħi estensivi, u ngħata l-ewwel għajnuna minn tabib li nzerta kien għaddej mill-inħawi bir-rota. Fuq il-post issejjaħ tim mediku mill-Isptar Mater Dei sabiex jassisti l-vittma, li iżda sfortunatament ir-raġel tilef ħajtu.
Xehed fil-kawża ħabib ta’ Jonathan Hili li qal li dak inhar kienu sejrin Għawdex u li kien sar jaf lil Hili f’Ottubru ta’ qabel meta ltaqa’ miegħu f’laqgħa ta’ grupp reliġjuż.
Qal li Hili kien iħobb jiftaħ qalbu miegħu u li kien għadu kif ħassar minn mat-tfajla tiegħu. Qal li dak inhar sieħbu kien għadda għalih id-dar f’Ħal Għaxaq u kienu sejrin Ta’ Pinu. Tenna li kien spiċċa ħażin ħafna wara li ma baqax mat-tfajla.
Ix-xhud qal li sieħbu ma kienx iħobb joħroġ ħafna iżda kien iħobb ħafna jattendi għall-festi. Qal li hu kien miegħu u li Hili ma kienx qed isuq b’xi veloċità qawwija, madwar 70 kilometru fis-siegħu u li kien qed iħossu sigur miegħu. Qal li f’daqqa waħda kienu tfaċċaw żewġ persuni quddiemhom, raġel u mara, li kienu ħdejn xulxin.
Ir-raġel kien fuq in-naħa ta’ barra u kif rahom, is-sewwieq mill-ewwel daħal fih u kien pront idawwar għan-naħa l-oħra għax li kieku kien jolqot it-tifla wkoll. Qal li ma kellhomx għaġġla biex jilħqu l-vapur. Tenna wkoll li boid-daqqa kienet inkisret il-ħġieġa tal-windscreen.
Xehed ukoll l-imputat li qal li fil-ġurnata ta’ qabel kien mar xi tliet festi u li kien ilu jsuq għal madwar tliet snin. Qal li viċin fejn kienu l-vittma u t-tifla hemm siġra goffa li tagħti għal barra. Qal li r-raġel ħareġ ftit il-barra bit-tifla tgħaddi minn taħt is-siġra. L-imputat kien ukoll qed isofri minn xokk qawwi.
Mix-xhieda ħareġ ukoll li Jonathan Hili li kien għaddej minn żmien diffiċli għax it-tfajla li kienet telqitu kien qed jinkweitra fuqha għax kellha kanċer u ħuh kellu l-istess marda. Huwa qal ukoll lill-Maġistrat Inkwerenti li jumejn qabel l-inċident kien mar għand psikjatra.
Il-Qorti preseduta mill-Maġistrat Grima qalet li minkejja li Hili kien traskurat fis-sewqan tiegħu, kien hemm ukoll negliġenza minn naħa tal-vittma. Il-Qorti qieset ukoll it-trawma li għadda minnha l-imputat li ħalliet effetti psikoloġiċi fuqu u l-fatt li l-kondotta hija waħda nadifa.
Il-Qorti għalhekk qalet li s-sentenza għandha tkun fil-minimu tagħha. Għaldaqstant huwa ġie kundannat 12-il xahar ħabs sospiżi għal tliet snin u kellu l-liċenzja sospiża għal perjodu ta’ sitt xhur.
Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Godwin Scerri.
Għal Hili deheru l-avukati Franco Debono u Jason Azzopardi.
//= $special ?>