George Cassar
BALZAN………………….0
GŻIRA UNITED………………2
Balzan: V. Vranes, M. Kamara, S. Arab (P. Mota 69’), M. Johnson (G. Camilleri 46’), A. Loof. P. Fenech (A. Bradshaw 82’), S. Pisani (N. Frendo 80’), S. Cipriott, U. Ljubomirac (E. McWoods 80’), S. Dimic, A. Effiong
Gżira U.: J. Haber, N. Portelli (D Xuereb 46’), Sacha Borg, Steve Borg, G. Mentz, N. Muscat (A. Cohen 88’), J. Mendoza, M. Davis (O. Elouni 88’), R. Correa, Jefferson (A. Samb 84’), R. Kooh Sohna (C. Borg 74’)
Skurjaw: Jefferson 26’, R. Correa 74’ (G)
Imwissija: N. Portelli 12’ (G), P. Fenech 23’ (B), A. Effiong 30’ (B), U. Ljubomirac 58’ (B), J. Mendoza 65’ (G)
Referì: D. Agius
Assistenti referis: L. Portelli, J, Muscat
Il-plejer tal-logħba: R. Correa (G)
Gżira marru lura għar-rebħ wara nuqqas ta’ tliet logħbiet filwaqt li tawlu l-kriżi ta’ Balzan li issa ilhom tmien logħbiet bla ma jirbħu.
Il-Maroons skurjaw gowl kull taqsima u rari tilfu l-kmand tal-logħob biex reġgħu resqu qrib it-timijiet ta’ fuq. Is-sitwazzjoni ta’ Balzan hija bil-maqlub hekk kif ilhom ma jduqu rebħa minn nofs Ottubru u, kontra dak li kien previst, il-klassifika hija inkwetanti għalihom hekk kif spiċċaw qalb it-timijiet li qed jissieltu biex jevitaw ir-relegazzjoni.
L-eks Riccardo Correa kien l-aħjar plejer fil-grawnd b’diversi inizjattivi speċjalment fuq in-naħa xellugija tal-attakk ta’ Gżira filwaqt li l-Brażiljan Jefferson irritorna fil-lista tal-iskorers bl-ewwel gowl filwaqt li kellu sehem ukoll fit-tieni wieħed.
Gżira fetħu l-iskor f’nofs l-ewwel taqsima meta Jefferson qabad ballun min-naħa xellugija u fajjar xutt minn pożizzjoni angolata minn barra l-kaxxa bil-ballun ikun devjat minn ras Michael Johnson u jibqa’ sejjer fix-xibka.
Man-nofs siegħa logħob Balzan spiċċaw mingħajr il-kowċ Mark Miller wara li tkeċċa minn fuq il-bank mir-referì Darryl Agius għal protesti kontinwi kontra l-kontroll tat-tim arbitrali.
Balzan kienu sfortunati li ma temmewx l-ewwel taqsima daqs l-avversarji meta Sean Cipriott ixxuttja b’dahru lejn il-lasta, iżda l-mimduda ċaħħditu minn gowl sabiħ.
Gżira laqtu l-mimduda wkoll qrib is-siegħa logħob meta l-kross ta’ Martin Davis daħal tajjeb għalih Jefferson li b’daqqa ta’ ras laqat il-lasta.
It-tim immexxi minn Darren Abdilla rdoppja l-vantaġġ fit-73 minuta meta wara li rċieva mingħand Jefferson, Riccardo Correa ħa l-ħin kollu li kellu bżonn qabel ikkonkluda b’xutt fil-baxx minn barra l-kaxxa li għadda minn taħt idejn Vukasin Vranes qabel spiċċa fix-xibka f’ballun li ma deherx impossibbli għall-gowlkiper ta’ Balzan biex jilqa’.
Il-partita kważi waqfet mat-tieni gowl hekk kif iż-żewġ timijiet issa jitfgħu ħarsithom fuq l-aħħar konfront li jonqoshom qabel il-waqfa tal-Milied hekk kif Gżira jilagħbu kontra Birkirkara, filwaqt li Balzan għandhom għadma iebsa kontra Hibernians.
//= $special ?>

